Grupp ta’ esperti mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ma tħallewx jidħlu fiċ-Ċina proprju fi żmien meta huma kienu qed iħejju biex jinvestigaw l-oriġini tal-Covid-19 fil-belt ta’ Wujhan. Tnejn mir-rappreżentanti kienu diġà fi triqthom lejn iċ-Ċina, bil-WHO tirreferi għal nuqqas ta’ konferma tal-visas meħtieġa bħala l-kaġun tal-intopp.
Sadanittant, il-Gvern komunista taċ-Ċina ħareġ bil-versjoni tiegħu dwar l-aħħar żviluppi u qed jgħid li ‘id-dettalji taż-żjara tar-rappreżentanti tal-WHO (li jinkludu d-dati) għadhom qed ikunu rranġati’.
L-investigazzjoni dwar l-oriġini tal-coronavirus kienet ilha mistennija. Intant, iċ-Ċina kienet qablet li l-investigazzjoni għandha ssir wara ħafna xhur ta’ negozjati mal-WHO. Il-Covid-19 kien indikat għall-ewwel darba f’Wuhan fl-aħħar ġimgħat tal-2019 – bl-epidemija inizjali tkun marbuta ma’ suq lokali fejn jinbiegħu l-annimali slavaġ.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, qal li kien ‘ferm iddiżappuntat’ li ċ-Ċina ma finalizzatx il-permessi għall-wasla tar-rappreżentanti tal-Organizzazzjoni. Dan meta tnejn mir-rappreżentanti ‘kienu twaqqfu milli jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina fl-aħħar minuta’.
Fl-istess ħin, Ghebreyesus qal li ċ-Ċina ‘aċċertatu’ li qed tħaffef il-proċeduri interni biex l-esperti tal-WHO jingħataw l-aċċess lejn artha mill-aktar fis.
Fi żviluppi oħra marbuta mal-pandemija tal-Covid, it-tielet lockdown nazzjonali daħal fis-seħħ legalment fl-Ingilterra. Dan waqt li d-deputati fil-Parlament ta’ Londra qed iħejju biex jivvutaw dwar il-miżura drastika fid-dawl tal-kriżi għas-saħħa pubblika.
Intant il-Gvern Britanniku qed jikkunsidra li jitlob ċertifikazzjoni mingħand in-nies li jivvjaġġaw minn barra lejn ir-Renju Unit biex juru li huma testjaw negattiv minn test tal-coronavirus. L-aħħar statistika uffiċjali tindika li, illum, wieħed minn kull 50 fl-Ingilterra qed jittestjaw pożittiv għall-Covid-19.
L-Istati Uniti reġistrat numru rekord ta’ imwiet mill-Covid-19 għal nhar it-Tlieta, bil-konferma ta’ 4,000 vittma f’24 siegħa.
Sadanittant, l-Olanda, fl-aħħar sigħat, kienet qed tħejji biex tibda tlaqqam lin-nies kontra l-Covid-19 u meta hi l-aħħar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tat bidu għal din il-proċedura.
//= $special ?>