Internazzjonali

Elezzjoni kruċjali fi stat wieħed għall-bqija tal-pajjiż

L-erba' kandidati li qed jikkontestaw iż-żewġ siġġijiet ta' Georgia għas-Senat Amerikan

Fl-Istati Uniti, żewġ proċessi li normalment huma formalita’ jew li ftit li xejn jiġbdu attenzjoni, għandhom għajnejn il-pajjiż kollu fuqhom hekk kif se jkunu kruċjali biex jindikaw liema direzzjoni se jieħu l-pajjiż fix-xhur li ġejjin.

Ilbieraħ saret l-elezzjoni għaż-żewġ siġġijiet tas-Senat Amerikan mill-Istat ta’ Georgia. Hekk kif bħalissa għadu għaddej l-għadd tal-voti, il-kandidati fiż-żewġ elezzjonijiet jinsabu qrib ferm ta’ xulxin għalkemm skont xi rapporti, il-kandidati tal-Partit Demokratiku jinsabu fuq quddiem fiż-żewġ elezzjonijiet.

Wara r-rebħa ta’ Joe Biden fit-3 ta’ Novembru li għadda f’dan l-iStat tradizzjonalment Repubblikan, id-Demokratiċi qed jittamaw li jirbħu iż-żewġ siġġijiet sabiex jiksbu maġġoranza fis-Senat. Għar-Repubblikani, rebħa waħda hi biżżejjed biex iżommu l-kontroll tas-Senat u jagħmluha ferm diffiċli biex Joe Biden imexxi l-programm tiegħu fl-ewwel sentejn tal-Presidenza.

Illum jitlaqqa l-Kungress Amerikan biex jiċċertifika r-riżultat elettorali

Sadanittant, f’Washington illum se ssir sessjoni konġunta tal-Kungress Amerikan li matulha jiġi ċertifikat ir-riżultat elettorali tal-elezzjoni Presidenzjali li għadha kemm għaddiet. Dan il-proċess normalment hu formalita’ kostituzzjonali iżda diversi rappreżentanti tal-Partit Repubblikan mistennija jopponu ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjoni mirbuħa minn Biden.

AĠĠORNAMENT: Raphael Warnock jegħleb lil Kelly Loeffler

Diversi aġenziji internazzjonali qed ibassru li r-Reverendu Raphael Warnock f’isem il-Partit Demokratiku, rebaħ l-elezzjoni fil-konfront tal-kandidata tal-Partit Repubblikan, is-Senatriċi Kelly Loeffler.

L-elezzjoni hi waħda storika hekk kif għall-ewwel darba, l-iStat ta’ Georgia eleġġa kandidat ta’ nisel Afro-Amerikan bħala rappreżentant tiegħu fis-Senat Amerikan.

Ikkummenta