Lokali

“Esperjenza orribli – kien infern” – tfajla tirrakkonta l-esperjenza tagħha fl-Isptar Monte Karmeli

“Kont konvinta li kont ninsab maqfula f’ħabs – kien infern. Irridu nżommu f’rasna li dan l-isptar huwa magħmul għal pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, li jkunu diġà konfużi u f’dipressjoni… l-aħħar ħaġa li jkollhom bżonn huma kundizzjonijiet tal-orrur, esperjenzi li jibqgħu jsusu warajhom bħal ħolma kerha.”

Kien dan id-diskors ta’ tfajla Olandiża Belle de Jong – li b’kuraġġ kbir qasmet l-esperjenza li ghaddiet minnha fl-Isptar Monte Karmeli; storja li kienet ippubblikata fis-sit lokali sidestreetmalta fejn spjegat x’rat u x’ħasset wara tminnt ijiem rikoverata f’dan l-isptar.

Belle rrakontat li minn barra….. l-isptar jidher trankwill – madanakollu saħqet li gewwa hemm storja ferm differenti – bħal donnu xena tal-film tal-orrur. Hija spjegat li kif daħlet il-mowbajl, flimkien ma’ affarijiet ta’ valur, ġew ikkonfiskati l-għaliex spjegawlha li jkun aħjar li jsir hekk.

It-tfajla kompliet tgħid li l-ewwel kamra li daħlet fiha kienet il-general admission ward – li suppost hi l-aktar sala ġdida fil-binja kollha – fejn minkejja li l-irġiel u nisa huma separati f’dormitorji maqsumin tmienja, tmienja; dawn jieklu u jpejpu flimkien.

Belle spjegat li mas-sebgħa ta’ filgħodu jinxtgħelu d-dwal u kulħadd jiġi mitlub sabiex iqum mis-sodda u jmur jieħu shower – f’xi minn daqqiet b’pazjenti jinħalsu gharwenin flimkien, ma ġenb xulxin. Xena deskritta mit-tfajla bħal donnha ħierġa minn dokumentarju dwar il-kampijiet tal-konċentrament ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Hi ddeskriviet ukoll l-ambjent kaotiku li hemm fi ħdan l-isptar, partikolarment sabiex titqassam il-medikazzjoni – bin-nies jgħajtu l-ismijiet tal-pazjenti fil-kuriduri. Dan filwaqt li rrakkontat kif il-common area kienet maħmuġa, bi ftit twieqi u ebda dawl naturali – b’żewġ televizjonijiet bi programmi ta’ tfal.

Filwaqt li saħqet li m’hemmx daqshekk libertà, u biex forsi tgawdi daqsxejn iżjed arja ta’ barra trid tkun tpejjep is-sigaretti – ħafna mill-bibien ikunu msakkra – b’pazjenti isabbtu u jigirfu magħhom.

Madanakollu preċiżat tgħid li t-tobba u l-infermiera jagħmlu l-mirakli bir-riżorsi li għandhom. Hija rringrazzjat lil dawk kollha li għenuha tegħleb il-problemi tagħha, minkejja li l-isptar li jaħdmu fih jinsab fi stat iddisprat għall-aħħar.

Għaldaqstant appellat sabiex il-pajjiz jimxi lil’hinn minn sptar tad-dsatax-il seklu, u b’mod deċiż l-Awtoritajiet jaħdmu biex il-pazjenti f’Monte Carmeli jingħataw kura xieraq.