Lokali

FILMAT: Bit-tweġiba ta’ Jose Herrera kkonfermata qasma fil-Kabinett Laburista

Għall-Ministru Jose Herrera, il-Prim Ministru Robert Abela m’għandux għalfejn jippubblika r-returns tal-VAT u tat-Taxxa ta’ qabel l-2017.

Il-pożizzjoni ta’ Herrera għall-mistoqsijiet ta’ NET News turi l-qasma li teżisti fil-Kabinett Laburista dwar is-sitwazzjoni imbarazzanti li Abela tefagħhom fiha. Dan meta l-Prim Ministru stess ikkonferma li kien hu li kkuntattja lill-Kummissarju tat-Taxxa ħalli dan jinvestiga lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-perjodu ta’ qabel ma daħal fil-politika.

Madankollu, il-Ministru Herrera ma qal xejn dwar jekk Abela għamilx l-istess forma ta’ pressjoni fuq Rosianne Cutajar, li allegatament daħħlet 50,000 ewro minn senserija. Minflok, u biex itenni d-difiża tiegħu lejn il-Prim Ministru, Herrera qal li allaħares wieħed imur lura 20 jew 30 sena fil-pubblikazzjoni tar-returns.

Mhux tal-istess idea l-Ministri Miriam Dalli u Clayton Bartolo li, għall-istess mistoqsija ħassewhom skomdi ferm milli jesprimu pożizzjoni ċara. Fil-fatt, il-Ministru Dalli wieġbet biss li l-ġurnalisti għandhom jistaqsu direttament lill-Prim Ministru, filwaqt li l-Ministru Bartolo baqa’ ma weġibx jekk Abela għandux jippubblika dawn id-dokumenti.

In-nuqqas ta’ qbil fost il-Ministri jikkonferma kif din iż-żrara l-ġdida fiż-żarbun ta’ Robert Abela qed tkompli toħloq diżgwid kbir fil-Kabinett, anke minħabba li l-istess Abela qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi akkost ta’ kollox lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.