L-awtoritajiet ta’ Hong Kong wettqu l-akbar azzjoni kontra l-attivisti favur id-demokrazija mindu ċ-Ċina imponiet liġi tas-sigurtà mill-aktar awtoritarja fl-eks kolonja Britannika,li sa ftit ilu kienet qed tgawdi livell ta’ awtonomija speċjali.
Intant, mijiet ta’ pulizija ħadu sehem f’sensiela ta’ rejds fuq xi 70 residenza u bini f’Hong Kong fejn arrestaw ‘il fuq minn 50 attivist. L-arrestati kienu protagonisti fi proċess mhux uffiċjali biex jintgħażlu l-kandidati tal-Oppożizzjoni qabel l-elezzjonijiet tal-2020 għal Hong Kong li kienu spiċċaw posposti.
L-attivisti miżmuma mill-pulizija huma akkużati b’li pruvaw ‘jaqilbu lill-Gvern’ ta’ Hong Kong li t-tmexxija tiegħu qed taġixxi skont id-‘diktat’ ta’ Beijing. Fl-istess ħin l-attivisti qed jakkużaw liċ-Ċina b’li qed tipprova toħnoq il-vuċi tal-Oppożizzjoni f’Hong Kong bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tar-reġim.
Il-Gvern Ċiniż impona l-leġislazzjoni kontroversjali għal Hong Kong f’Ġunju fost l-istqarrijiet li dan il-pass kien neċessarju għat-trażżin tal-protesti favur id-demokrazija li kemm-il darba kienu karatterizzati bi vjolenza.
//= $special ?>