Irvellijiet immexxija minn sostenituri tal-eks President Amerikan Donald Trump qed isarrfu f’attakk fuq il-Capitol.
Rapporti qed jgħidu li dimostranti daħlu fil-Capitol u sparaw tiri fis-sala tal-Kungress.
Dan kollu seħħ waqt li l-membri tal-Kungress kienu qed jikkonfermaw lil Joe Biden bħala l-President elett tal-Istati Uniti wara l-elezzjonijiet ta’ Novembru.
Aktar kmieni matul il-jum tal-Erbgħa, il-Viċi President Mike Pence uffiċjalment qata’ r-rabtiet tiegħu minn mal-eks President Trump. Pence serva fedelment lil Donald Trump dawn l-aħħar għal erba’ snin. Hu qal li ma setax iċedi għal pressjoni biex jiċħad ir-riżultat tal-elezzjoni.
Qabel ma bdew l-irvellijiet, ir-Repubblikani kienu diġà qed jippjanaw li joġġezzjonaw għall-konferma ta’ Biden.
Intant, l-eks President Trump qed jaqla’ kritika qawwija minn ħafna hekk kif jidher li mhu qed jagħmel xejn biex jikkalma lil dawk li għadhom jemmnu fih.

“Dan hu President li ma jafx x’inhu xogħolu u qed jiffoka biss fuq it-telfa tiegħu”. Din hi fost il-kritika li qed issir lil Trump anke wara messaġġ li għamel lin-Nazzjon u li suppost kellu l-għan li jikkalma lill-dawk li niżlu jipprotestaw.
Fil-messaġġ tiegħu filwaqt li l-eks President jgħid lid-dimostranti biex imorru d-dar, jerġa’ jkebbes ir-rabja u jgħid li l-elezzjoni kienet imbagħbsa u misruqa.
Il-kritika għall-aġir ta’ Trump qed tasal anke minn persuni mill-kamp Repubblikan stess.
Joe Biden iddeskriva dak li qed jiġri bħala “attakk bla preċedent fuq id-demokrazija tal-Istati Unti”
Kien Donald Trump stess li ħeġġeġ lin-nies jinżlu fit-toroq illum, biex issa t-tensjoni qed tkompli teskala f’dak li jista’ jkun jum u lejl twil f’Washington.
//= $special ?>