Edukazzjoni Lokali

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni m’għandux jilgħab mas-saħħa t’uliedna u tal-edukaturi tagħhom – PN

“Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jieħu l-azzjonijijiet kollha neċessarji u jagħti assigurazzjoni li saħħet it-tfal u l-edukaturi mhix qed tiġi pperikolata kapriċċjożament kawża ta’ ċirkostanzi ġodda u inazzjoni tal-Gvern.”

Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli fejn saħaq li d-dikjarazzjoni tal-Malta Union of Teachers (MUT) li l-Gvern qed jinjora l-pariri tas-saħħa, hija waħda ta’ tħassib anke fil-kuntest li:

  1. In-numru rekord tal-lum stess ta’ infezzjonijiet ġodda tal-COVID-19.
  2. It-taħlit ta’ nies li seħħ fil-festi tal-Milied li jaf iwassal għal aktar rati għolja ta’ każijiet fil-ġranet li ġejjin. Dan kif stqarret ukoll il-Union of Professional Educators (UPE).
  3. Il-konferma li qabel Mejju mhux se jkollna l-vulnerabbli kollha vvaċċinati u l-istqarrijiet tal-unjins tat-tobba u l-infermiera li l-amministrazzjoni tal-vaċċin s’issa qed issir b’mod kajman.
  4. Il-varjant il-ġdid tal-COVID-19 li qed jingħad li jinfirex aktar malajr minn ta’ qablu kif ukoll hemm tħassib li jista’ jaffetwa aktar lil tfal u żgħażagħ mill-virus li rajna s’issa.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella għal kawtela u responsabbilta’ kif ukoll għal djalogu trasparenti u onest sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jissalvagwardjaw lill-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri. L-għebusija tar-ras u l-arroganza żgur mhix it-triq ‘il quddiem.