Is-sewwieq ta’ Toyota Nasser Al-Attiyah rebaħ it-tielet tellieqa konsekuttiva mill-kategorija tal-karozzi wara li daħal fl-ewwel post tar-raba’ stadju tad-Dakar Rally, fejn għeleb lil leader tal-klassifika ġenerali Stephane Peterhansel ta’ X-raid Mini. It-trakka kienet minn Wadi Ad-Dawasir sa Riyadh fuq distanza ta’ 337 kilometru.
Din it-tellieqa kienet waħda mill-iktar kompetittivi s’issa, fejn Al-Attiyah, Peterhansel, Henk Lategan u Carlos Sainz iġġieldu għall-ewwel post, u saħansitra f’punt minnhom kienu mifrudin b’inqas minn minuta. Minkejja dan, l-ewwel żewġ postijiet ittieħdu minn Attiyah u Peterhansel, bit-tielet u r-raba’ post jittieħdu minn Lategan ta’ Toyota u Sebastian Loeb ta’ BRX. Sainz temm fil-ħames post segwit minn Jakub Przygonski ta’ Toyota. Khalid Al Qassimi, Vladimir Vasilyev, Orlando Terranova u Erik Van Loon ħatfu l-aħħar eba’ postijiet mill-ewwel għaxra.
Joan Barreda ta’ Honda rebaħ ir-raba’ stadju mill-kategorija tal-muturi, b’din tkun it-tieni rebħa fid-Dakar din is-sena. Huwa rebaħ b’iżjed minn sitt minuti fuq l-istess distanza ta’ din tal-karozzi, biex b’hekk telgħa fit-tieni post tal-klassifika ġenerali.
Fit-tieni post daħal Toby Price ta’ KTM segwit minn sieħbu Daniel Sanders u Luciano Benavides ta’ Husqvarna. Fil-ħames post daħal De Soultrait ta’ Husqvarna. Joaquim Rodrigues u Jose Ignacio Cornejo daħlu fis-sitt u s-seba’ post rispettivament. L-aħħar tliet postijiet ġew okkupati minn Pablo Quintanilla, Stefan Svitko u Adrien van Beveren.
//= $special ?>