Coronavirus Lokali Saħħa

Rekord ta’ 224 każ ġdid – il-vittmi jitilgħu għal 227

Fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati rekord ta’ 224 każ ġdid, u b’hekk sfortunatament kif kien imbassar mill-esperti mediċi, qed tissokta ż-żieda fil-każi ta’ Covid-19 f’pajjiżna fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida.

Dan hekk kif fl-aħħar sebat’ijiem kellna 947 każ ġdid – l-ogħla żieda fl-aħħar 9 ġimgħat.

Dan tħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa, sabiex b’hekk il-każi totali minn Marzu ‘l hawn żiedu għal 13,612.

Dan filwaqt li 80 persuna fiequ mill-virus bl-ammont totali ta’ persuni mfejqa jiżdied għal 11, 540.

Ġie mħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa tilef ħajtu raġel ta’ 72 sena wara li ttestja pożittiv għal Covid-19 fil-31 ta’ Diċembru sabiex tilef ħajtu kawża tal-virus tul il-jum tat-Tlieta. B’hekk il-vittmi totali jammontaw għal 227, bi 8 imwiet mill-bidu tas-sena l-ġdida.

Dan kollu jfisser li l-ammont ta’ persuni attivi bil-virus żied għal 1, 845.

Mill-158 każ imħabbar tul il-jum tat-Tlieta; 32 każ kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittivi preċedentament, 10 każi minn fuq il-post tax-xogħol, 20 każ li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, u 12-il każ minn attivitajiet soċjali.

Dan ifisser li 84 persuna ma jafux minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus.