Internazzjonali

Renju Unit: Julian Assange miċħud minn libertà proviżorja

It-talba ta’ Julian Assange, il-fundatur ta’ WikiLeaks, biex jingħata l-libertà proviżorja spiċċat miċħuda minn qorti distrettwali f’Londra, fir-Renju Unit.

L-iżvilupp kien ikkonfermat ftit ġranet wara li qorti fir-Renju Unit irrifjutat l-estradizzjoni ta’ Assange lejn l-Istati Uniti fost inkwiet dwar is-saħħa mentali ta’ dan ir-raġel.

Assange, li għandu 49 sena, hu mfittex mill-Istati Uniti wara li żvela dokumenti klassifikati tal-militar u s-servizzi diplomatiċi – bl-awtoritajiet Amerikani qed jgħidu li l-aġir tiegħu poġġa l-ħajja ta’ ħafna nies f’periklu.

Il-prosekuturi Amerikani qed jixlu lil Assange bi 17-il reat relatati mal-ispjunaġġ u b’akkuża oħra dwar użu illegali ta’ kompjuter bi skop ta’ hacking.

Julian Assange ilu ma jidher fil-pubbliku – bħala raġel ħieles — minn Ġunju tal-2012, meta hu kien fittex kenn politiku fl-ambaxxata tal-Ekwador, f’Londra.

Il-kenn politiku lil Assange kien ikkonfermat mill-President tal-Ekwador fost tilwima diplomatika mar-Renju Unit. Madankollu – wara seba snin ta’ residenza – Assange spiċċa ‘persona non grata’, bl-awtoritajiet Ekwadorenji jippermettu biex il-pulizija tidħol u tarresta lill-fundatur ta’ Wikileaks.