Id-deputati fil-Kungress Amerikan iltaqgħu biex jikkonfermaw ir-rebħa tad-Demokratiku Joe Biden fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Dan waqt li ma naqsux il-protesti mingħand is-sostenituri tal-President Amerikan attwali, Donald Trump.
Il-voti tal-kulleġġ elettorali – li hu deċiżiv għar-riżultat ta’ elezzjoni presidenzjali – qed jingħaddu mill-ġdid bħala parti mill-proċess għall-konferma waqt sessjoni konġunta tal-Kungress f’Washington.
Numru ta’ Repubblikani huma impenjati biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ Trump li jrid jaqleb ir-riżultat elettorali. Madankollu, l-isforzi tagħhom, li qed jinkludu protesti formali waqt is-sessjoni, jidhru destinati li jfallu kompletament.
Sadanittant, hemm potenzjal kbir ta’ inkwiet bejn gruppi ta’ partitarji rivali fl-inħawi ta’ Washington u b’mod partikulari fiz-zoni qrib il-bini tal-Kungress Amerikan. Dan waqt li kienu mobilizzati l-mijiet tal-membri tal-Gwardja Nazzjonali biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Gruppi kbar ta’ sostenituri ta’ Donald Trump qed jinġabru f’Washington biex jinsistu bil-protesti kontra l-konferma tat-telfa tal-President. Dan fost il-preżenza ta’ gruppi ta’ partitarji rivali li ħejjew protesti kontra ‘l-aġir ta’ Trump’ li ma ammetta qatt għat-telfa fl-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru.
Donald Trump, min-naħa tiegħu, qed iħejji biex jitkellem waqt rally bit-tema ‘Save America’ u għadu sallum jinsisti li l-elezzjoni għall-Presidenza kienet imtappna bi frodi – mingħajr ma qatt ressaq il-provi.
Fl-istess ħin, Trump qed jikkuntesta l-integrità tal-elezzjoni deċiżiva għar-rappreżentanza tal-Istat ta’ Georgia fis-Senat Amerikan.
L-Istat ta’ Georgia hu fortizza tradizzjonali tar-Repubblikani iżda qed jidher li d-diżappunti għal Trump se jkomplu — bil-Partit Demokratiku ta’ Biden, fl-aħħar sigħat, joħroġ bħala l-favorit kbir li jieħu kontroll tas-Senat f’Washington.
Waqt li għadhom deħlin ir-riżultati taż-żewġ elezzjonijiet f’Georgia, l-indikazzjonijiet huma li l-kandidat Demokratiku Raphael Warnock rebaħ wieħed mis-siġġijiet għall-ispejjeż tar-rivali Demokratiku Kelly Loeffler. B’hekk Warnock qed iħejji biex ikun l-ewwel senatur iswed għal Georgia.
L-elezzjoni f’Georgia saret wara li l-kandidati, f’Novembru, ma kisbux il-50 fil-mija meħtieġa għar-rebħa uffiċjali.
F’każ li d-Demokratiċi jirbħu ż-żewġ siġġijiet tal-Istat, Joe Biden ikollu ċans akbar li jressaq l-aġenda leġislattiva tiegħu. Fl-istess ħin hemm sinjali wkoll li l-kandidat Demokratiku l-ieħor, Jon Ossoff, qed jidher qrib ‘it-tieni siġġu ta’ Georgia’ fil-konfront tas-Senatur Repubblikan David Perdue.
//= $special ?>