Lokali

Aaron Farrugia baqa’ jiddefendi l-mossa ta’ Robert Abela li ma jippublikax ir-returns tat-taxxa u l-VAT

Ritratt: Matthew Tabone
Aaron Farrugia skomdu kif l-istess kienu Miriam Dalli, Clayton Bartolo u Jose Herrera

Aktar Ministri tal-Kabinett komplew juru kemm huma skomdi bis-sitwazzjoni li tefgħhom fiha l-Prim Ministru Robert Abela li qed jibqa jagħżel li  ma jippubblikax r-returns kollha tal-VAT u r-returns tat-Taxxa ta’ qabel l-2017.

Dan wara li l-istess Prim Ministru inqabad li kien hu stess li kkuntatja lill-Kummissarju tat-Taxxa biex dan jinvestiga lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-perjodu ta’ qabel ma daħal fil-politika.

Is-sitwazzjoni imbarazzanti li Robert Abela tefa’ lill-Kabinett fiha kompliet toħroġ biċ-ċar fl-aħħar sigħat meta staqsejna dwar dan kollu lill-Ministru Aaron Farrugia. Meta mistoqsi minn Net News, il-Ministru Aaron Farrugia baqa’ jiddefendi l-mossa ta’ Robert Abela li ma jippublikax ir-returns tat-taxxa u l-VAT u skomdu bid-domandi tagħna, ħarab mill-mistoqsijiet, biex minflokk wieġeb, għażel li jitlaq lura lejn l-uffiċċju tiegħu fil-Ministeru.

Dwar din is-sitwazzjoni imbarazzanti, rreaġixxew b’mod skomdu wkoll numru ta’ membri oħra fil-Kabinett ta’ Robert Abela. Il-Ministru Miriam Dalli kienet fost dawk li ma ddefendietx lill-Prim Ministru, iżda qaltilna biex nistaqsu lilu.

Il-Ministru Clayton Bartolo deher skomdu iwieġeb dwar it-taxxa iżda fir-risposta tiegħu kkonferma li r-returns tal-VAT tal-Prim Ministru għadhom mistura. Minn naħa l-oħra, Jose Herrera ġġustifika d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jibqa’ jaħbi r-returns tiegħu.

Intant, dwar dan kollu, s’issa l-Prim Ministru għadu ma weġibx. Dan filwaqt li ammetta li tkellem mal-Kummissarju għat-Taxxi dwar dokumenti personali tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista qabel ma sar Kap tal-Oppożizzjoni. Kien komdu jitkellem dwar il-VAT u t-taxxa ta’ ħaddieħor iżda għal xi raġuni mhux komdu jagħmel l-istess dwar it-taxxa u l-VAT tiegħu.

In-nuqqas ta’ qbil fost il-Ministri jikkonferma kif din iż-żrara l-ġdida fiż-żarbun ta’ Robert Abela qed tkompli toħloq diżgwid kbir fil-Kabinett, anke minħabba li l-istess Abela qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi akkost ta’ kollox lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li allegatament daħħlet 50,000 ewro minn senserija.