Lokali

Familja Maltija tirbaħ il-Jackpot ta’ aktar minn miljun tas-Super 5

Familja Maltija bdiet is-sena fuq nota mill-aqwa wara li r-raġel tal-familja rnexxielu jilgħab il-ħames numri rebbieħa tas-Super 5 li telgħu fit-30 ta’ Diċembru.

Il-Jackpot kien ta’ €1,029,009.61.

Fi stqarrija, il-Maltco qalu li r-rebbieħ li kien xtara l-biljett rebbieħ inxtara mill-POS 344 fiż-Żejtun u kien għażel li jilgħab dawk in-numri għax jirrapreżentaw għeluq snin il-familjari tiegħu. Huwa ilu jilgħab dawn in-numru 20-24-26-2-5 għal 21 sena.

Ir-raġel sar jaf li rebaħ meta kien qed jara s-Super 5 fuq it-televizjoni. F’intervista li kellu ma’ uffiċjali tal-Maltco r-raġel meta nduna li rebaħ beda jgħajjat fil-ferħ… il-mara tiegħu għal bidu ma setatx tifhem x’kien qed jiġri u ħasbet li daħlu n-nies id-dar. Għal bidu hi ma bdietx temmen huma rebħu l-jackpot… u l-ewwel ħaġa li għamlu ċemplu lil uliedhom biex jgħidulhom li rebħu l-Jackpot.

Ir-rebbieħ illum mar fl-uffiċini tal-Maltco Lotteries biex ituh ic-cheque ta’ €1,029,009.61. Kemm ir-raġel u kemm il-mara qalu li se jużaw dawn il-flus biex jgħinu jħallsu lill-uliedhom il-mortgages li għandhom.

Il-Maltco Lotteries fl-istqarrija awguraw lir-rebbieħa li rebħu l-Jackpot u appellat lil dawk kollha li jipparteċipaw f’dawn il-logħob biex ikunu responsabbli.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq info@maltco.net, jew jidħlu fuq is-sit tal-Maltco, jew iżuru l-midja soċjali tal-grupp. Wieħed jista’ jċempel ukoll il-Helpline tal-Maltco fuq 23883333.