Edukazzjoni Lokali

Ħafna ġenituri ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola

Dalgħodu Net News żar numru ta’ skejjel madwar Malta u Għawdex fejn jidher li ħafna ġenituri għażlu li ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola wara li l-għalliema sejħu strike fid-dawl tal-ammont ta’ każi ġodda ta’ COVID-19 li kienu reġistrati f’pajjiżna fl-aħħar sigħat.

Innutajna li diversi bibien ta’ numru ta’ skejjel madwar il-pajjiż baqgħu magħluqa u nfetħu biss appena waslu xi studenti. Madanakollu nnutajna li ħafna mill-ftit studenti li marru l-iskola, marru lura d-dar ftit wara li waslu hekk kif ftit li xejn sabu għalliema li wassal biex il-maġġoranza tal-lezzjonijiet ma jsirux.

Numru ta’ persuni li tkellmu magħna qalu li ma jistgħux jifmhu kif il-Gvern għażel li jiftaħ l-iskejjel meta hemm biżgħa li l-ġranet tal-festi se jwasslu għal ħafna każi ġodda tal-virus. Oħrajn jinsabu ferm inkwetati għall-fatt li sa ftit jiem ilu ingħataw l-idea li l-agħar tal-pandemija għadda u issa n-numri qed jindikaw mod ieħor.

Intant, s’issa hu mifhum li l-istrike tal-għalliema se jdum għal jumejn biex b’hekk titieħed idea aktar ċara tas-sitwazzjoni tal-Coronavirus fi tmiem il-ġimgħa. Minkejja sejħiet kontinwi mill-unions tal-għalliema biex l-iskejjel ma jiftħux b’mod normali wara l-festi, l-Gvern webbes rasu u baqa’ biex fetaħ l-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex.