Edukazzjoni Lokali

“Id-dritt tal-edukazzjoni qatt m’għandu jkun kompromess” – SDM

“Dawn huma żminijiet diffiċli għal kulħadd iżda d-dritt li jkollok edukazzjoni qatt m'għandu jkun kompromess.” - SDM

Irreaġixxiet ukoll għal dawn l-aħħar żviluppi fl-iskejjel, l-għaqda studenteska SDM meta fi stqarrija qalet li tifhem li l-edukaturi għandhom id-dritt legali u demokratiku li jistrajkjaw iżda saħqet li bħala organizzazzjoni studenteska, tinsab diżappuntata ħafna li l-istudenti mhumiex qed jinżammu aġġornati dwar dak li qed jiġri.

L-SDM qalu li l-istudenti ma jistħoqqilhomx jinżammu fid-dlam speċjalment meta sitwazzjoni bħal din ikollha effett dirett fuq l-edukazzjoni tagħhom. “Hemm bżonn ta’ kjarifika dwar jekk il-lezzjonijiet humiex se jsiru fil-jiem li ġejjin jew le – kemm jekk ikunu online kif ukoll on-kampus.” kompliet l-għaqda studenteska.

L-istqarrija tal-SDM kompliet tgħid li huma jemmnu bis-sħiħ li l-ammont ta’ ħin edukattiv u skolastiku li tilfu l-istudenti tul s-sena li għaddiet għandu jiġi kkunsidrat meta deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu għaliex l-istudenti m’għandhomx tort u għalhekk m’għandhom isofru l-ebda konsegwenza.

L-SDM talbet lill-awtoritajiet biex isolvu din is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun biex jimminimizzaw l-effett negattiv li dan se jkollu fuq l-istudenti. “Dawn huma żminijiet diffiċli għal kulħadd iżda d-dritt li jkollok edukazzjoni qatt ma għandu jkun kompromess.” temmet tgħid l-istqarrija.