Lokali Qorti

Il-Gvern indifferenti għat-tħassib tal-professjoni legali fuq il-COVID fil-Qorti

Hekk kif is-seduti fil-bini tal-Qrati tagħna issa qed ikomplu wara l-festi, l-Oppożizzjoni tinnota kif il-Ministru tal-Ġustizzja qed jiġi jaqa’ u jqum mit-tħassib tal-membri tal-professjoni legali li qed ikollhom kuljum jipperikolaw saħħithom biex jattendu għal seduti li jistgħu jsiru b’mod virtwali.

Stqarrija tal-Partit Nazzonalista ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi qalet li minkejja l-esperjenza tal-COVID ta’ dawn l-aħħar 11-il xahar, li suppost serviet bħala tagħlima għall-Ministru tal-Ġustizzja, u meta n-numru ta’ każijiet pożittivi tal-COVID kuljum qed jilħqu livelli rekord, u minkejja li hemm ammont kbir ta’ membri tal-professjoni legali li għandhom tfal id-dar bl-iskejjel magħluqin, illum hemm tliet awli biss li fihom jistgħu jsiru seduti b’mod virtwali. Dan qed iżid il-periklu għas-saħħa tal-avukati, prokuraturi legali u nies oħrajn li qed ikollhom kuljum jattendu fiżikament għas-seduti fil-Qrati tagħna. Minn kważi 27 awla fil-Qorti, li jintużaw kuljum għas-seduti, fl-2021 hemm tliet awli biss li fihom jistgħu jsiru seduti online ghax il-Ministru tal-Ġustizzja ma kellux l-għaqal li juża l-aħħar sena biex jilqa’ għall-maltemp tal-lum. Il-prioritajiet tiegħu kienu band’oħra.

L-Oppozizzjoni tinnota wkoll li mhux talli hemm tliet awli biss li fihom jistgħu jsiru seduti b’mod virtwali, iżda talli hemm persuna waħda biss li hija addetta biex tieħu ħsieb dawn is-seduti virtwali kollha. Jiġifieri jekk anke t-tliet awli li hemm bħalissa mgħammra għal seduti virtwali jkunu jridu jitħaddmu fl-istess ħin dan mhux possibbli għax il-Ministru tal-Ġustizzja ħalla raġel wieħed biss li jista’ jħaddimhom.

L-Oppożizzjoni tistenna li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja ma jibqgħux torox għat-tħassib ta’ kull min qed ikollu jattendi fiżikament għal seduti fil-Qorti, speċjalment il-membri tal-professjoni legali li huma nies ukoll, huma nies vulnerabbli wkoll jew jgħixu ma’ nies vulnerabbli. Kieku l-Gvern jiddedika imqar farka mill-miljuni li qed jippermetti kull sena fil-korruzzjoni tal-ħbieb tal-ħbieb, kieku s-sitwazzjoni fil-Qrati tagħna hija ħafna aħjar milli hi. Imma tassew, il-prioritajiet tal-Gvern huma band’oħra.