Lokali

Il-PN jsellem il-memorja ta’ Paul M. Cassar

Il-Kulleġġ tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista (KKLPN) jsellem il-memorja ta’ Paul M. Cassar, eks Sindku tal-PN għal-lokalita’ tal-Belt Victoria.

Paul M. Cassar, mill-Belt Victoria kien elett f’isem il-Partit Nazzjonalista u serva fit-tieni u t-tielet leġislatura tal-Kunsill (1997-2003).  Huwa serva kemm bħala Kunsillier, (1997-1998), Viċi-Sindku (1998-2000) u bħala r-raba’ Sindku tal-Belt Victoria bejn l-2000 u l-2003. Fost l-oħrajn, huwa ħa ħsieb titjib infrastrutturali fil-lokalita’ u daħħal l-iskema ta’ parkegg tar-residenti fil-Belt Victoria. Taħtu beda jiġi ċċelebrat Jum il-Belt Victoria.

Paul M. Cassar kien ukoll Kap tal-Librerija ta’ Għawdex mill-1952 sal-1994. Huwa kien involut f’diversi organizzazzjonijiet Għawdxin, b’mod partikolari fis-Soċjetà Filarmonika La Stella fejn serva għal għexieren ta’ snin f’bosta karigi fosthom dik ta’ President.

Il-KKLPN jibgħat il-kondoljanzi lil martu Carmela, ibnu George u qraba oħrajn.

L-istqarrija tal-PN kienet iffirmata minn Karl Gouder – Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet, Charles Bonello – President KKLPN u Patricia Camilleri – Segretarja Relazzjonijiet Pubbliċi u Mezzi Soċjali KKLPN