Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Il-Prim Ministru għandu jgħid il-verità”

L-ekonomista Lino Briguglio iċanfar l-irresponsabbiltà fid-diskors ta’ Robert Abela

‘Il-Prim Ministru għandu jgħid il-verità. Hemm ħafna affarijiet ma nistgħux nippreveduhom. “Jiena nixtieq li f’Mejju mmorru business as usual. Jekk intom tobdu d-direzzjoni tal-Ministru tas-Saħħa u tas-Suppretendent tas-Saħħa Pubblika, jista’ jkun li naslu imma ma nista’ nwegħdkom xejn.” Dik għandha tkun l-attitudni ta’ Prim Ministru għaqli u statista għaliex jekk se nkunu popolisti, li tmur kontra l-idea li tkun statista, allura ħa nagħtu messaġġ ħażin u mhux dawk biss li ma jaħslux jdejhom kif ukoll ma jilbsux il-maskra se jbatu, ħa jbatu n-nies li se jiltaqgħu magħhom ukoll.’

Hekk saħaq l-ekonomista, Lino Briguglio, meta l-Erbgħa filgħaxija kien intervistat fuq NET Live dwar ir-reazzjonijiet tal-Prim Ministru fid-dawl tal-previżjonijiet diffiċli ekonomiċi ta’ bħalissa

“Sa Marzu rrid li nkunu rkuprajna sew. Sa Mejju business as usual.”

Il-Professur Lino Briguglio qal li l-previżjonijiet f’ċirkostanzi normali s-soltu jkunu riskjużi ħafna meta jkollok ċifri ekonomiċi li wieħed ikun jista’ jbassar fuqhom, aħseb u ara issa li ma jista’ jsir l-ebda tbassir:

“Allura anki jien ma nissugrax nagħmel previżjonijiet imma li nista’ ngħid hu li ma jidhrux tajbin ħafna. Meta l-Prim Ministru kien qed jgħid business as usual f’Mejju, kien qed ikun ottimist wisq.”

Din l-irresponsabbiltà tal-Prim Ministru f’diskorsu saħansitra qed iġġiegħel lin-nies jillaxkaw:

“Meta jkollok bniedem li jkollu daqshekk influwenza fuq in-nies, jista’ jkollok ħafna li ma jibqgħux jieħdu l-prekawzjonijiet illi għandna nieħdu issa iktar minn qatt qabel, biex ma nkomplux nifirxu l-infezzjoni. U l-problema ta’ stqarrijiet bħal dawn wieħed jista’ jsejjħilhom irresponsabbli.” (…) “Hemm ħafna nies li jħarsu lejh bħala bniedem li ma jieħux żbalji, biex ngħid hekk kważi jadurawh, u allura f’din is-sitwazzjoni, fiċ-ċirkostanzi preżenti, irridu noqogħdu daqsxejn attenti.”

Il-Professur Briguglio qal li r-realtà tan-negozju n-negozjant biss jafha, u l-ebda Prim Ministru, Ministru tal-Finanzi jew ekonomista, negozjanti li bħalissa mhumiex juru l-istess ottimiżimu ta’ Robert Abela:
“Illum stess tkellimt ma’ wieħed qalli biex niġi kif kont, irrid tal-anqas sentejn.” (…) “Ħafna qed jgħiduli, mhux qed ngħid kulħadd, li m’għandhomx viżjoni pożittiva ħafna ta’ x’qed jiġri għaliex hemm ħafna, dawk li bl-Ingliż ngħidulhom ‘unknowns’ u barra minn hekk, hemm affarijiet li ma jiddependux minn Malta biss. Jekk per eżempju l-Ingilterra se tagħmel lockdown, dawk se jaffettwaw lill-Ġermanja bħalma jaffettwaw lil Malta għaliex aħna pajjiż miftuħ ħafna.”

Pajjiżna ekonomikament jiddependi minn ċirkostanzi fil-kontinent Ewropew u mhuwiex iżolat biss għal ċirkostanzi f’pajjiżna biss fil-qasam tan-negozju, kompla l-ekonomista, u għalhekk Robert Abela jeħtieġ ikun aktar kawt fi kliemu biex in-nies ma jieħdux eżempji ħżiena.