L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti tal-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) tixtieq tesprimi t-tħassib ta’ bosta ġenituri li jattendu fl-Iskejjel tal-Istat. Dan jitratta oqsma varji fosthom it-telf ta’ ġranet ta’ edukazzjoni, żieda fil-każijiet tal-Covid-19 u messaġġi kunfliġġenti li qed jingħataw lill-ġenituri.
Fid-dawl tan-numru rekord ta’ każijiet tal-Covid-19 imħabbra lbieraħ, u l-ammissjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li qed jistennew żieda fil-każijiet fil-jiem li ġejjin, MAPSSS temmen li l-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti għandhom jadottaw l-istess strateġija kif kien il-każ bejn Marzu u Ġunju tas-sena l-oħra. Is-saħħa tal-istudenti, tal-edukaturi u tal-familji tagħhom, tibqa’ prijorità, irrispettivament liem settur edukattiv jattendu.
MAPSSS hija mħassba wkoll bl-informazzjoni kunfliġġenti li qed tasal għand il-ġenituri. Jiddispjaċina ħafna li rajna sitwazzjoni ta’ studenti jispiċċaw fit-triq jew ġenituri mitluba biex jiġbru lill-uliedhom mill-iskola meta lbieraħ filgħaxija u dalgħodu kienu infurmati li l-iskejjel se jiftħu normali minkejja l-istrajk li kien ordnat ilbieraħ.
Barra minn hekk, fid-dawl ta’ żieda fil-każijiet tal-Covid-19 fost it-tfal, l-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li se jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni aktar stretti fl-iskejjel sabiex tiġi evitata l-imxija tal-Covid. Fl-istess ħin, l-Awtoritajiet tal-Edukazzjoni qalu kemm il-darba li l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli li setgħu ttieħdu, ittieħdu kollha. Wieħed isaqsi, x’inhuma l-miżuri l-ġodda u kif se jiġu implimentati. Wieħed irid jinnota wkoll li ħafna tfal li jkollhom il-Covid-19 ikunu asintomatiċi, li jfisser li t-teħid tat-temperatura d-dar u fl-entratura tal-iskola mhux se juri ebda deni.
Jekk, fil-kuntest aktar wiesa’, huwa ikkunsidrat wisq riskjuż li l-lezzjonijiet ikomplu fil-klassi, it-tfal ma għandhomx jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni u għandhom jiġu offruti lezzjonijiet onlajn sakemm din l-aħħar mewġa tikkalma. Bħal fix-xhur preċedenti, ġenituri li jaħdmu u min iħaddimhom għandhom jiġu appoġġjati kif ikun meħtieġ.
Huwa wkoll ta’ tħassib kbir ta’ MAPSSS li minkejja diversi assigurazzjonijiet li l-Assoċjazzjoni ingħatat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-aħħar xhur li hemm sistema lesta ta’ tagħlim onlajn li tista’ tiskatta f’qasir żmien, f’daqqa waħda nisimgħu li s-sistema onlajn mhijiex “up to scratch”.
MAPSSS temmen li fi żmien pandemija, l-partijiet kollha jridu jaħdmu flimkien biex jiżguraw sitwazzjoni fejn ħadd ma joħroġ tellief, u li d-dritt fundamentali għall-edukazzjoni jiġi rispettat. Nappellaw lill-partijiet konċernati biex jiġu madwar mejda biex isibu soluzzjoni għas-sitwazzjoni kurrenti. L-inċertezza u d-deċiżjonijiet tal-aħħar minuta, mhux biss ixekklu l-edukazzjoni, imma jaffetwaw ħażin lis-setturi kollha tal-ekonomija.
//= $special ?>