Lokali Qorti

Jiġi lliberat wara żball fl-akkużi tal-Pulizija

Xufier, li nstab li kien barra mid-dar tiegħu tard filgħaxija x-xahar li għadda, bi ksur ta’ ordni tal-Qorti, ġie lliberat minħabba żball fl-akkużi tal-Pulizija.

Ir-raġel ta’ 38 sena, kien ingħata l-libertà proviżorja fi proċeduri separati ta’ vjolenza domestika, kien qal lill-uffiċjali li kien fi triqtu lejn l-Isptar Monte Karmeli fejn irrikorra għall-għajnuna fi kwistjonijiet ta’saħħa mentali.

Madankollu dan kien ifisser li r-raġel kien qed jikser curfew impost mill-Qorti li permezz tiegħu ġie ordnat biex ma joħroġx bejn is-7. 30pm u t-8.00am.

Il-Pulizija ltaqgħet mar-raġel li kien qed isuq tul Triq Dun Karm, Birkirkara għall-ħabta tal-11.00pm. Huwa tressaq il-Qorti talli kiser il-curfew, kif ukoll talli naqas milli jżomm l-appuntament tiegħu billi jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija u li sar reċidiv.

Minbarra li rriskja priġunerija, l-akkużat kien qed jiffaċċja l-prospetti li jitlef €8,000 bħala garanzija personali għall-ħelsien mill-arrest. Iżda meta nstema’ l-każ, l-Avukati tal-akkużat indikaw żball fl-akkużi.

Id-digriet (deċiżjoni) tal-libertà proviżorja kien żbaljat minħabba li ngħad li nħareġ fis-27 ta’ Settembru, meta fir-realtà l-libertà proviżorja ngħatat fit-13 ta’ Awwissu.

Meta ngħatat is-sentenza, il-Qorti, preseduta mill-maġistrat Rachel Montebello, osservat li żball bħal dan kien jikkonċerna wieħed mill-elementi materjali tar-reat.

Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni kienet ippreżentat biss kopja informali tad-digriet tal-pleġġ ta’ Awwissu, mingħajr ma talbet li tikkoreġi d-data żbaljata “manifestament” dwar l-akkużi, minkejja li kienet taf sewwa l-ħin tad-digriet tal-pleġġ.

Kopja informali bħal din ma kellhiex il-valur tal-provi meħtieġa, qalet il-Qorti, u b’hekk ikkonkludiet li l-akkużat ma jistax jinstab ħati li kiser digriet li dwaru ma tressqet l-ebda evidenza. L-Avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Amadeus Cachia u Matthew Xuereb kienu l-avukati difensuri.