B’reazzjoni għall-aħħar żviluppi li rajna f’pajjiżna b’brabta mal-istrajk tal-edukaturi, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li qed issegwi b’interess l-iżviluppi relatati mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel wara l-vaganzi tal-Milied.
F’Awwissu li għadda l-Kamra kienet iddikjarat li kien kruċjali għall-iskejjel li jibqgħu miftuħa matul din is-sena skolastika. Fi stqarrija huma saħqu li l-esperjenza tal-ewwel terminu wriet li l-iskejjel huma mgħammra tajjeb biex jimplimentaw id-distanza soċjali, u l-esperjenza edukattiva kienet suċċess.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-Kamra qed tirrikonoxxi d-dikjarazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika li m’hemm l-ebda evidenza bbażata fuq xjenza li turi li l-iskejjel għandhom jibqgħu magħluqa jew li kollox jiġi trasferit online. “Dan se joħloq konfużjoni mhux biss għall-iskejjel u l-għalliema nfushom iżda se jkollu impatt fit-tul fuq l-istudenti minħabba nuqqas ta’ interazzjoni ma’ sħabhom u l-pressjoni kontinwa fuq ġenituri li jaħdmu.” Il-Kamra kompliet tgħid li dan se jwassal biex dawn il-ġenituri jibqgħu d-dar u jħallu xi setturi ekonomiċi mingħajr ir-riżorsi umani essenzjali tagħhom fi żmien meta l-ekonomija ma tistax taffordja aktar interruzzjonijiet.
Il-Kamra għalhekk appellat lill-għalliema u l-iskejjel kollha tal-istat, tal-knisja u indipendenti biex ikomplu jaderixxu mal-protokolli stretti tas-saħħa introdotti fil-bidu ta’ din is-sena skolastika u jippermettu lill-Awtoritajiet tas-Saħħa jagħtu gwida skont evidenza medika.
//= $special ?>