Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

L-istrajk se jibqa’ fis-seħħ; il-laqgħat se jkomplu għada

Hekk kif ġiet fi tmiemha l-laqgħa li bdiet bejn l-MUT u l-Gvern, ġie mħabbar li l-istrajk se jkompli għada wkoll kif kien pjanat wara li mill-laqgħa ma ġie konkluż xejn. Dan hekk kif ma nlaħaqx qbil mal-Gvern.

Il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li l-edukaturi u l-għalliema għandhom jidħlu lura fl-iskejjel wara li ġew fi tmiemhom il-vaganzi iżda fid-dawl tal-pandemija, l-MUT qed tibqa’ tisħaqq li dan m’għandux iseħħ.

Il-laqgħa mistennija tkompli matul il-ġurnata tal-Ġimgħa.

Iktar kmieni:

Wara ġurnata ta’ konfuzjoni sħiħa għall-ġenituri u l-istudenti – ftit tal-ħin ilu bdiet laqgħa f’Kastilja bejn il-Malta Union of Teachers u l-Gvern. Bla dubju li fuq l-aġenda tad-diskussjoni hemm l-istrajk ta’ jumejn li beda’ mil-lum.

Il-kwistjoni tal-iskejjel bdiet wara li l-MUT kixfet fatti kruċjali u dettalji li waslu mingħand l-esperti tas-saħħa, fejn ingħad li l-awtoritajiet kienu wissew lill-Gvern biex il-bibien tal-iskejjel ma jiftħux wara l-vaganzi tal-Milied minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija. Iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu sal-aħħar, bl-għalliema jkunu kostretti jsejjħu strike ta’ jumejn, illi irnexxa.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana insistiet li l-iskejjel jiftħu xorta. Filwaqt li ċ-Chairperson tas-Super One Jason Micallef appella lill-għalliema biex jidħlu għax-xogħol u attakka lill-edukaturi billi qal li din tal-istrajk kienet mossa orkestrata, intiża biex tfixkel.

Apparti Micallef, oħt il-mara tal-Prim Ministru, is-Sindku Laburista ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli, ukoll attakkat lill-għalliema fuq il-mezzi soċjali talli mxew mad-direttivi tal-istrajk. Hi insistiet li “izzejjed kollu zejjed!!!”

Minn naħa tagħha, il-Unjoni tal-Edukaturi Professjonisti fi stqarrija qalet li għandha informazzjoni f’idejha li tikkonferma li 96.5% tal-edukaturi żammew mal-istrike u ma daħlux għax-xogħol. Il-UPE qalu li l-iskejjel kellhom sa massimu ta’ 9 edukaturi li daħlu għax-xogħol. Dan filwaqt li kkonfermat li numru ta’ skejjel oħrajn baqgħu bil-bibien magħluqa.

Irreaġixxiet ukoll għal dawn l-aħħar żviluppi fl-iskejjel, l-għaqda studenteska SDM meta fi stqarrija qalet li tifhem li l-edukaturi għandhom id-dritt legali u demokratiku li jistrajkjaw iżda saħqet li bħala organizzazzjoni studenteska, tinsab diżappuntata ħafna li l-istudenti mhumiex qed jinżammu aġġornati dwar dak li qed jiġri. L-SDM talbet lill-awtoritajiet biex isolvu din is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun biex jimminimizzaw l-effett negattiv li dan qed ikollu fuq l-istudenti.