Futbol Sport

Punti prezzjużi għal Pietà

Chris Cassar

ST. GEORGE’S……………..0
PIETÁ………………………..4

St.George’s: M. Bartolo, M. Caruana, J. Briffa, L. Bonett, D. Caruana, L.J. Agius, R. Tanti, A. Hili, K. Ekeh, J. Grech, K. Abela.

Pietà H: M. Chetcuti, L. Cassar, M. Portelli, N. Pace Cocks, J. Ghio, L. Scicluna, D. Segura, S. Mizzi, Z. Leonardi, J. Scicluna, L. Galea.

Referee: Shaun Calleja

Pietà kisbu tliet punti oħra prezzjużi meta għelbu faċilment lil St. George’s 4-0 biex kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara s-suċċess kontra Vittoriosa fl-aħħar ħarġa tagħhom. Pietà ddominaw dan il-konfront fejn il-Bormliżi kienu biss fil-logħba sakemm sofrew l-ewwel gowl fejn kienu qed juru l-aħjar ideat, iżda wara dan il-gowl kienu Pieta li amminsitraw il-logħba kif riedu fejn ħolqu diversi opportunitajiet ta’ skor.

L-ewwel tentattiv kien ta’ St. George’s, xutt sabiħ mid-distanza ta’ Hili li kien salvat b’diffikulta minn Chetcuti. Fil-21 minuta Pietà fetħu l-iskor meta Segura beda l-azzjoni fuq il-lemin fejn qassam lejn Zean Leonardi li kkontrolla tajjeb il-ballun u għeleb lil Bartolo b’xutt preċiż fil-baxx.
Wara dan il-gowl tista’ tgħid li l-Bormliżi na baqgħux daqshekk intensi fil-logħob tagħhom u ftit ftit Pietà ħadu kontroll assolut tal-logħba u sitt minuti mill-intervall irduppjaw b’azzjoni personali ta’ Diego Sigura u xutt bomba li għeleb għal kollox lil Bartolo.

Fil-45 minuta azzjoni oħra mill-isbaħ ta’ Pieta’, pass perfett ta’ James Scicluna lejn Liam Scicluna li għeleb in-nasba tal-offside, avanza u għeleb lil Bartolo b’xutt fil-baxx.

Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Pietà viċin ir-raba’ gowl meta xutt sabiħ ta’ James Scicluna ħabat ma’ sieq il-lasta. Għall-kumplament tat-taqsima Pietà baqgħu jattakaw, iżda anki St. George’s bdew jippruvaw isibu triq lejn il-lasta avversarja iżda kien kollu ta’ xejn.
Minuta minn tmiem il-logħba wara diversi tentattivi, Pietà skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom b’azzjoni tas-sostitut Jamie Scerri li qabeż anki lill-goalkeeper Bartolo qabel xeħet f’lasta vojta.

BOV CHALLENGE LEAGUE

Illum: St. George’s v Pietà 0-4, Vittoriosa S. v Qormi 1-0 Is-Sibt: Victor Tedesco Stadium: St. Andrews v Mqabba 2.00pm, Żebbuġ R. v M’xlokk 6.00pm Il-Ħadd: San Ġwann v Fgura U. 2.00pm, Marsa v Qrendi 6.00pm It-Tnejn: Centenary Stadium: Swieqi U. v Vittoriosa S. 5.00pm, Qormi v St. George’s 9.00pm Victor Tedesco Stadium: Pietà H. v Naxxar L. 9.15pm