Lokali Qorti

Żewġt irġiel arrestati b’rabta ma’ serqa fuq anzjan fl-ewwel tas-sena fil-Marsa

L-Erbgħa, għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestaw żewġt irġiel, wieħed ta’ 42 mill-Gżira u ieħor ta’ 33 sena minn Wied il-Għajn, b’rabta ma’ sewqa fuq anzjan ta’ 67 sena nhar l-ewwel tas-sena.

Il-każ seħħ kmieni nhar il-Ġimgħa li għadda fil-5 ta’ filgħodu meta l-anzjan, li sofra ġrieħi ħfief, spiċċa fl-art wara li kien aggredit bis-sieq waqt li kien miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa, biż-żewġ aggressuri jisirqulu l-mobile u ħarbu fuq il-post f’vettura.

Wara jiem ta’ investigazzjonijiet mill-istess skwadra, megħjuna mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun, u sigħat t’ osservazzjoni fuq informazzjoni dwar min seta’ kienu l-aggressuri, il-Pulizija l-Erbgħa ċċirkondat lill-istess vettura fl-istess akwati tas-Salib tal-Marsa u arrestat liż-żewġ persuni fiha, li huma ssuspettati ewlenin li wettqu s-serqa fl-ewwel jum tas-sena.

Iż-żewġt irġiel huma taħt arrest fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin hekk kif l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.