Lokali

AĠĠORNATA: Jitlef ħajtu wara li sofra attakk tal-qalb waqt li kien qed isuq il-mutur

Raġel tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei ftit aktar minn tliet sigħat wara li kien involut f’inċident f’San Ġwann.

L-ewwel rapporti indikaw li għall-ħabta ta’ 12.05pm seta’ kien hemm xi impatt bejn il-mutur tat-tip Yamaha li kien qed isuq ir-raġel u vann tat-tip Citroen li dak il-ħin inzerta kien għaddej minn Vjal ir-Rihan.

Madankollu, aktar investigazzjonijiet urew li fil-verità, ir-raġel waqa’ minn fuq il-mutur wara li ntilef minn sensih kawża ta’ problemi mediċi. Fil-post, hu ngħata s-CPR minn Pulizija li wasal immedjatament fil-post.

Dan il-proċess tkompla mit-tim mediku qabel ma r-raġel ittieħed l-Isptar abbord Ambulanza, għal aktar kura. Sfortunatament, ir-raġel tilef ħajtu fl-Isptar ftit tal-ħin wara.