Lokali Qorti

Raġel b’nuqqas ta’ vista jinżamm taħt arrest wara sparatura b’arma f’Bormla

Raġel parzjalment nieqes mill-vista nżamm taħt arrest preventiv wara li spara fuq żewġ persuni li allegatament attakkawh fid-dar tiegħu. Carmel Calleja minn Bormla tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo akkużat bl-isparatura li seħħet fis-6 ta’ Jannar fil-viċinanzi tad-dar tiegħu f’Bormla.

L-Ispettur Melvin Zammit akkuża lir-raġel ta’ 55 sena li kien qed iġorr arma waqt it-twettiq ta’ reat, ħareġ arma tan-nar f’żona residenzjali, kiser il-paċi pubblika, uża lingwaġġ oxxen fil-pubbliku, kif ukoll insulta, hedded u attakka żewġ persuni.

Huwa ġie akkużat ukoll li volontarjament għamel storbju matul il-lejl u li sar reċidiv. Fil-Qorti Calleja ma deherx wisq sod fuq saqajh hekk kif kien qed jiġi mgġejjun jimxli fl-awla mill-avukat tiegħu, il-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit.

Mistoqsi mir-Reġistratur tal-Qorti x’inhuwa x-xogħol tiegħu, huwa wieġeb: “le ma naħdimx, jien marid.” Id-difensur Zammit wieġeb mhux ħati f’isem il-klijent tiegħu.

Filwaqt li talab għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel. Kien hemm oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni minħabba li l-akkużi kienu serji u l-azzjonijiet tar-raġel kienu perikolużi. “Ir-raġel għandu problemi bil-vista tiegħu u seta ‘laqat lil kulħadd,” qal l-ispettur.

Il-Prokoratur Legali Zammit sostna li r-raġel kien qed jaġixxi biex jiddefendi lilu nnifsu. Huwa ġie attakkat fid-dar tiegħu miż-żewġ allegati vittmi, sostniet id-difiża.

Huwa talab li l-akkużat jiġi protett. “L-akkużat bilkemm jista’ jimxi, bilkemm jista’ jara, issa jekk ma jistax jiddefendi lilu nnifsu f’daru, verament qed jitneżża mid-drittijiet kollha tiegħu,” qal il-Prokuratur Legali.

L-Ispettur qal li ż-żewġ allegati vittmi se jiġu akkużati l-Qorti b’ċitazzjoni, meta mistoqsi mill-Qorti jekk kinux qed jiġu akkużati. Minkejja l-fraġilità evidenti tiegħu, il-libertà proviżorja ġiet miċħuda f’dan l-istadju minħabba l-fatt li xhieda ċivili kienu għad iridu jixhdu.

Waqt li rreaġixxa għad-digriet tal-Qorti, Peter Paul Zammit ikkummenta li x’aktarx ma jixhdux għax jinkriminaw lilhom infushom.