Lokali

Anzjana bi ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku fin-Naxxar

Anzjana minn Birkirkara kellha tittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar.

Il-każ seħħ ftit wara t-15:30 tal-Ġimgħa waranofsinhar fi Triq Giuseppe Stivala meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn vettura misjuqa minn mara ta’ 53 sena residenti s-Swieqi u karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena minn Birkirkara.

Flimkien maż-żagħżugħ kien hemm passiġġiera l-vittma ta’ 81 sena.

Fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa lill-anzjana Karkariża l-isptar għal aktar kura fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.