Kulmin irid jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit dalwaqt jista’ ikollu jipprovdi ċertifikat li hu ittestja negattiv għall-Covid-19 waqt perjodu speċifikat. Dan meta se jibqgħu infurzati xorta r-regoli għall-iżolament – jew kwarantina obbligatorja – għal min jasal fir-Renju Unit minn barra.
Is-Segretarju Britaniku għat-Trasport, Grant Schapps, żvela, intant, li hemm ‘tħassib kbir’ dwar varjant ieħor tal-coronavirus li qed jinfirex fl-Afrika t’Isfel.
Dan meta studju dettaljat żvela wkoll li l-każi tal-Covid-19 fir-Renju Unit żdiedu bi kważi terz għal matul il-perjodu tal-Milied.
Fl-istess ħin, l-imwiet mill-Covid-19 fir-Renju Unit qabżu l-elf (f’perjodi rispettivi ta’ 24 siegħa) għal jumejn konsekuttivi – bil-pressjoni qed tikber għall-isptarijiet u s-servizzi tal-ambulanzi f’diversi zoni tal-pajjiż
Sadanittant, il-belt ta’ Brisbane, fl-Awstralja daħlet f’ lockdown ta’ tlett ijiem wara li kien irreġistrat każ wieħed tal-varjant ġdid li kien ġej mir-Renju Unit.
Din il-belt – il-kapitali ta’ Queensland — ftit kienet irreġistrat każi tal-virus mill-bidu tal-pandemija iżda l-awtoritajiet lokali ħadu azzjoni immedjata għall-lockdown mal-ewwel aħbar tal-varjant li jinvolvi mara impjegata f’lukanda.
Il-każ tal-varjant hu l-ewwel wieħed magħruf fost il-komunità Awstraljana u l-lockdown għandu jaffettwa lil ħames żoni ta’ Queensland.
Kienet il-mexxejja ta’ Queensland Annastascia Palaszczuk inffisha li ħabbret dan il-lockdown 16-il siegħa wara li l-ħaddiema tal-lukanda ttestjat pożittiv. Hi qalet li tlett ijiem lockdown jistgħu jevitaw lockdown ta’ 30 jum ‘il quddiem u li ħadd fi Queensland ma jrid jesperjenza dak li qed jiġri fir-Renju Unit u pajjiżi oħra.
Sadanittant, fl-Istati Uniti, l-imwiet mill-coronavirus ġdid, għall-ewwel darba, qabżu l-4,000 għal ġurnata waħda. Dan meta l-effetti tal-pandemija qed jaqilbu għall-agħar f’dan il-pajjiż, b’sitwazzjoni mill-aktar allarmanti qed tiżviluppa, bħalissa, f’numru ta’ Stati li jinkludu Kalifornja.
//= $special ?>