Internazzjonali

Donald Trump viċin l-impeachment…

Qed jidher dejjem aktar li Donald Trump se jsir l-ewwel President Amerikan li jiffaċċja tieni proċess ta’ impeachment fl-istorja tal-Istati Uniti. Dan meta d-Demokratiċi li qed iħejju biex jieħdu f’idejhom il-Gvern akkużawh bħala ‘il-moħħ wara kolp ta’ stat’ fil-US Capitol ( ta’ Washington) li rriżulta f’ħames vittmi.

L-impenn lejn l-impeachment storiku ta’ Trump jidher li qabad pass sew wara li sar magħruf li uffiċjal tal-pulizija spiċċa fost il-vittmi meta folol ta’ delinkwenti — li kienu fost il-gruppi tas-sostenituri ta’ Trump — assedjaw is-sede tad-demokrazija f’Washington, f’nofs il-ġimgħa.

L-inċidenti deplorevoli seħħew wara li l-President Trump ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex ‘jiġġieldu qishom xjaten ħerġin mill-infern’ bil-għan li jaqilbu r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru li ntrebħet minn Joe Biden — il-President elett Amerikan.

F’ittra li bagħtet lill-membri tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti, l-Ispeaker, Nancy Pelosi, fissret l-azzjonijiet ta’ Trump bħala ‘attakk xokkanti fuq id-demokrazija’. Hi qed tħeġġeġ biex Trump jirriżenja mill-Presidenza jekk hu ma jridx jiffaċċja mill-ġdid il-proċeduri ta’ impeachment.