Lokali

Ħidma importanti mill-Fondazzjoni ‘Dar Nazareth’

Il-ħolma li kellu s-saċerdot Żejtuni Dun Anġ Seychell li joffri wens u sostenn lil persuni Żwieten b’diżabbiltà li ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom u li kien beda jwettaq aktar minn 25 sena ilu bit-twaqqif tal-Fondazzjoni Nazareth, qed tkompli tiffjorixxi…. u fi ftit xhur oħra l-Fondazzjoni tibda x-xogħol fuq il-bini tar-raba’ dar tagħha. Dan filwaqt li bħalissa għaddej proġett qawwi ta’ restawr u ta’ tisbiħ fl-ewwel dar tal-Fondazzjoni, ‘Dar Nazareth’ – dar li kienet laqghet lilll-ewwel erba’ persuni li kellhom bżonnijiet speċjali.

Il-Fondazzjoni twaqqfet fit-8 ta’ Settembru, 1995.

Waqt zjara li saret aktar kmieni din il-gimgha, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca insistiet fuq il-bzonn li ma jkunx hawn persuni f’pajjiżna li jkunu esklużi.

Bħalissa l-Fondazzjoni għandha 29 resident li jgħixu f’ambjent ta’ familja estiża 24 siegħa kuljum u jkunu mħarsin minn żewġ carers 24 siegħa kuljum. Il-Fondazzjoni tippromwovi l-abbiltajiet varji tar-residenti tagħha billi ta’ kuljum tressaq lejn il-ħanut tax-xogħol tagħha residenti biex jitgħallmu jaħdmu xogħol tal-idejn, jaqraw u jiktbu fost affarijiet oħra.

Il-Fondazzjoni, li titmexxa minn bord tad-diretturi fuq bażi volontarja taħt il-presidenza tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca,  għandha impjegati magħha 32 ruħ full-time bil-pagi tagħhom jitilgħu għal kważi €600,000 fis-sena.

Kawża tal-pandemija Covid-19 matul is-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni ftit li xejn kellha ċ-ċans li tagħmel attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi u kellha tnaqqis fid-dħul tagħna. Kawża ta’ hekk ukoll f’Settembru li għadda ma setax jitfakkar kif mistenni l-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni.

Matul din is-sena, il-Fondazzjoni Dar Nazareth se tkun qed tinghata €710,000.