Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Il-KSU jniedi l-Kampanja Your FutureEU

Hu importanti li mill-aktar fis nibdew naħsbu wkoll dwar pjan ta’ rkupru soċjali wara li ngħaddu mill-pandemija tal-Covid-19.

B’dan il-ħsieb, il-Kunsill Studenti Universitarji nieda l-Kampanja Your FutureEU – pjattaforma għal diskussjoni dwar kwistjonijiet differenti u sensittivi għall-istudenti u għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Dwar dan, NET News tkellem ma’ Yasmine Ellul, Uffiċjal fi ħdan il-KSU u Kordinatur ta’ din il-Kampanja, li spjegat kif il-Kunsill irid tara li tissaħħaħ id-diskussjoni għall-politika futura tal-Kunsill fuq livell Ewropew … għal futur isbaħ fl-Unjoni Ewropea.

Matul it-tnedija, il-kelliema qalu li jridu li bil-Kampanja tinħoloq aktar kuxjenza dwar dawn l-isfidi, li aktarx komplew jiggravaw matul il-perjodu tal-pandemija.

Bil-ħsieb li naraw aktar fejn irridu nieħdu lill-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej, il-KSU jrid ukoll li l-konklużjonijiet u l-ħsibijiet li joħorġu minn FutureEU jingħaddew lill-Membri Parlamentari Ewropej Maltin ħalli dawn ikunu l-vuċi tal-istudenti f’wieħed mill-akbar istituzzjonijiet tal-Unjoni.