Lokali

Il-Kurja tiddiżassoċja ruħha minn mal-Komunita’ Ġesu’ Salvatur

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex jikkonfermaw id-deċiżjoni tagħhom li jiddiżassoċjaw ruħhom mill-Komunita’ Ġesu’ Salvatur.

Fi stqarrija, il-Kurja qalet li wara ħames xhur ta’ investigazzjoni, ġie osservat li fil-Komunita’ Ġesu Salvatur hemm “għarfien żbaljat u mħawwad tat-tagħlim tal-Knisja, interpretazzjoni ħażina ta’ siltiet mill-Iskrittura u atteġġjament li jweġġa’ lil persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ sfida fil-ħajja”.

Il-Kummissjoni tal-Knisja ikkonkludiet li irrispettivament mill-ġid spiritwali li seta’ ħareġ mill-Komunita’ tul is-snin, dan qatt ma jista’ jiġġustifika l-abbuż psikoloġiku u spiritwali li allegatament seħħ fil-kuntest ta’ din il-komunita’. L-istqarrija tkompli li permezz tal-għajnuna ta’ għadd ta’ esperti, ġie kkonfermat li l-Komunita’ Ġesu Salvatur turi l-karatteristiċi soċjoloġiċi ta’ “komunita’ magħluqa u riġida li tikkaġuna ħsara lil diversi persuni” minkejja l-intenzjonijiet ta’ wħud li ssieħbu fil-komunita’ kienu tajbin.

Għaldaqstant, permezz ta’ digriet maħruġ mill-Konferenza Episkopali, l-Isqfijiet iddeċidew li saċerdoti u reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem f’laqgħat organizzati mill-Komunita’ Ġesu’ Salvatur, li laqgħat bħal dawn ma jistgħux isiru fi knejjes jew kappelli jew kwalunkwe propjeta’ tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex, lill-ordnijiet reliġjużi u assoċjazzjonijiet ekkleżjali tal-lajċi u l-lajċi biex ma jattendux l-attivitajiet organizzati minn din il-komunita’.

Il-Knisja qed toffri servizz ta’ sapport mingħajr ħlas minn professjonisti għal persuni li setgħu għaddew minn esperjenza ta’ tbatija. Dawn jistgħu iċemplu fuq in-numru 25906510 jew email fuq support@maltadiocese.org