Edukazzjoni Lokali

Il-PN jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżblokk fit-tilwima industrijali bejn l-edukaturi u l-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-iżblokk tal-azzjoni industrijali msejħa mill-edukaturi wara li l-union tal-għalliema ddikjarat li ma setgħetx tħalli lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jgħaddi romblu minn fuqhom b’riskju għas-saħħa tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji tagħhom.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista tenna li s-saħħa u l-interess tal-istudent u tal-ħaddiem għandhom jiġu l-ewwel. Il-Partit Nazzjonalista qal li hu sodisfatt li dan l-iżblokk ifisser ukoll li se tintemm l-inċertezza għal ħafna ġenituri, li fl-aħħar jumejn sabu ruħhom iffaċċjati bi problema fejn iħallu lit-tfal tagħhom, partikolarment minħabba fl-impjieg tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li:

  1. Il-Gvern webbes rasu u ma kienx trasparenti bl-informazzjoni li tirrigwarda s-saħħa tal-edukaturi u tal-istudenti. It-tilwima industrijali setgħet ġiet evitata li kieku kien hemm aktar kawtela, djalogu sinċier u sens komun fl-aħjar interess tat-tfal, tal-ġenituri u tal-edukaturi.
  2. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni naqas milli jirrispetta bil-fatti lill-għalliema u lill-edukaturi, bl-attitudni u d-diskors li ngħad fil-konfront tagħhom. Tant li l-istess attitudni instigat diskors dispreġġjattiv lejn l-għalliema u l-professjoni tagħhom. Il-Ministeru li suppost qed jaħdem biex jgħolli l-istima tal-professjoni reġa’ kien promotur tad-disprezz lejha. Dan minkejja li kienet l-istess professjoni li salvat is-sitwazzjoni min-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Ministeru f’Marzu u f’Settembru li għadda.
  3. L-istrajk hu azzjoni industrijali leġittima tal-ħaddiem. L-użu ta’ din l-għodda biex jipproteġi d-drittijiet tiegħu ma’ jagħmilx lill-ħaddiem anqas professjonali jew dedikat. Il-maġġoranza assoluta tal-edukaturi huma professjonisti ddedikati lejn il-professjoni tagħhom u l-istudenti li jgħallmu b’tant għozza. Il-Ministru tal-Edukazzjoni kellha kull dritt ma taqbilx mal-istrajk, iżda ma kellha l-ebda dritt tgħid li l-azzjoni tal-edukaturi ma kinitx leġittima.

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ rringrazzja lill-edukaturi kollha għad-dedikazzjoni tagħhom b’risq uliedna.