Futbol Sport

Illejla fid-9:30pm fuq Net Television | Jirritorna Replay Preview bl-aqwa gwida għall-partiti li jmiss tal-futbol lokali

Wara waqfa għall-jiem tal-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena, mill-lejla, jirritorna l-programm dwar il-futbol Malti, li jibqa’ uniku fil-format u l-istil tiegħu fuq it-televiżjoni lokali, Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija. Dan il-programm hu wieħed mit-tliet programmi televiżivi li l-aġenzija Replay tipproduċi u xxandar kull ġimgħa, fuq Net Television, b’lenti fuq il-futbol Malti, kif ukoll aċċenn għall-futbol internazzjonali.

Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, minn studio armat apposta fir-restorant popolari mal-Maltin u l-Għawdxin, fuq l-għolja tas-Saqqajja, Il-Veduta, Replay Preview tal-lejla, jibda fid-9:30pm u tul id-90 minuta tal-lum, se nkunu qed naraw is-servizzi tal-ħames partiti li ntlagħbu matul nofs il-ġimgħa, mill-14-il ġurnata tal-Kampjonat Premier. Se naraw ukoll il-gowls kollha tal-partiti li kelna f’nofs din il-ġimgħa mill-14-il ġurnata tal-National Challenge League.

Sussegwentament, fil-programm tal-lejla se jkun hemm servizzi li jservu ta’ gwida għall-partiti li se jkunu qed jintlagħbu matul din it-tim il-ġimgħa, mill-15-il ġurnata tal-Kampjonat Premier, fejn fost l-oħrajn jispikkaw il-partiti tal-Ħadd li ġej, Ħamrun Spartans kontra Mosta u Santa Lucia kontra Birkirkara.

Mix-xena internazzjonali, insegwu gwida għall-partiti li għadna skedati għal matul din it-tmiem il-ġimgħa fl-Ingilterra, hekk kif jintlagħab it-tielet rawnd tal-FA Cup, filwaqt li fl-Italja jkolna ġurnata oħta ta’ partiti mis-Serie A.

Fuq talba ġenerali, f’Replay Preview tal-lejla, se jerġgħu jintwerew is-servizzi li ntwerew l-ewwel darba nhar il-Ħadd li għadda f’Replay Live Score, ir-round-ups għall-2020 dwar il-futbol Malti u l-futbol internazzjonali.

Replay Preview tal-lejla hu mwassal bl-appoġġ ta’ IZIBET, Il-Veduta Restorant tas-Saqqajja, Joseph Portelli Projects, DOVE u Gorg Borg Company Ltd, Churchill Master Butcher u TESCOMA. Il-programm hu produzzjoni ta’ Christian Micallef u Stephen Chircop.