Internazzjonali

Indoneżja: Jinħeles reliġjuż radikali b’sehem fit-terrur ta’ Bali

Reliġjuż Musulman radikali li kellu sehem fl-isplużjonijiet waqt l-attakk terroristiku tal-2002 fil-gżira ta’ Bali ingħata l-libertà mill-ħabs fost l-inkwiet li hu kien qiegħed ‘jinfluwenza’ lill-estremisti.

Fl-aħħar sigħat,Abu Bakar Ba’asyir, ħareġ mill-kumpless ta’ ħabs li jinsab fil-limiti ta’ Jakarta u l-awtoritajiet Indoneżjani qalu li hu, issa, se jkun suġġett għal programm ‘ta’ deradikalizzazzjoni’ bil-għan li hu ma jibqax theddida għas-soċjetà.

Abu Bakar Ba’asyir, li għandu 82 sena, hu l-eks kap tal-Jemaah Islamiah – grupp li jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-moviment terroristiku al-Qaeda u li wettaq l-attakk tal-2002 li qatel 202 persuna; ħafna minnhom turisti Awstraljani.

Fl-isplużjonijiet ta’ Bali – li seħħew fit-12 ta’ Ottubru tal-2002 —  kienu mietu n-nies minn 21 pajjiż. Il-gżira ilha magħrufa s-snin bħala resort sajfi u dakinar, iż-żewġ splużjonijiet kienu qerdu stabbiliment tax-xorb u nightclub fid-distrett turistiku ta’ Kuta.

L-attakk jibqa’ sallum l-akbar wieħed terroristiku fl-istorja tal-Indoneżja waqt li Abu Bakar Ba’asyir minn dejjem ċaħad li qatt kellu sehem f’din l-atroċità.