Lokali

Infrastructure Malta qed iġġib skuża bina biex tieħu aktar art – l-ngo Rota

Ritratt: Joseph Galea

“Il-proposta ta’ Infrastructure Malta hija waħda inaċċettabbli, mingħajr ebda skop u ta’ periklu għaċ-ċiklisti”.

Sostniet dan l-NGO Rota fejn saħqet li l-pjan inizzjali ta’ Infrastructure Malta dwar ix-xogħol fil-Bypass tal-Imrieħel – diskuss magħhom lura f’Ottubru – kien ferm differenti minn dak imħabbar minnha fid-19 ta’ Diċembru.

Rota spjegat li filwaqt li fil-pjanti oriġinali kien hemm karreġġjata għar-roti – din kienet fuq ix-xaqliba taż-żona industrijali u dik residenzjali. Dan ifisser li Rota ma’ ġie preżentat quddiemha l-ebda teħid ta’ art.

Madanakollu, ftit tal-ġimgħat wara, Rota ġiet infurmata minn Infrastructure Malta li l-karreġġjata li kienet ser tkun dedikata għar-roti, kontra l-pariri kollha ta’ Rota, kienet ser tkun qed tintuża karreġġjata biswit l-għelieqi… karreġġjata li wieħed għad irid ifassal u konsegwentament tkun qed tittieħed l-art tal-bdiewa.

Rota insistiet li l-istess seħħ waqt it-taħdidiet dwar il-Proġett ta’ Central Link fejn kienet proponiet pjan fejn ma kienetx ser tittieħed art – proposti li waqgħu fuq widnejn torox.

Rota saħqet li wara din l-aħħar mossa jidher ċar li Infrastructure Malta qed jużaw liċ-ċiklisti bħala skuża sabiex jakkwistaw aktar art. L-NGO sostniet li xogħol Infrastructure Malta huwa li jkollna toroq siguri, konvenjenti u diretti – u d-disinn aħħari preżentat ma jissodisfax dawn il-kriterji.