Kollox qed jindika li l-Ministru Ian Borg ra d-dokumenti tar-returns tal-VAT u t-Taxxa tal-Prim Ministru Robert Abela. Iżda l-istess Abela, qed jibqa’ jirreżisti milli jkun trasparenti man-nies. Dan hekk kif, meta mistoqsi minn NET News, il-Ministru Borg iggarantielna li Abela għandu kollox in regola, għalkemm ma ta l-ebda prova.
Ian Borg hu magħruf kemm dejjem kien qrib Robert Abela, partikolarment fil-ġlieda għal-Leadership Laburista biex Chris Fearne ma jispiċċax fit-tmexxija tal-Partit. U l-mod kif weġibna dwar dan l-aħħar skandlu li qed jiddomina lit-tmexxija tal-Partit Laburista wera biċ-ċar kemm għadhom qrib ta’ xulxin.
Fl-aħħar jiem, NET News bagħat mistoqsijiet lill-Prim Ministru. Madankollu, għadna bla risposta u għalhekk, qed ikollna nistaqsu direttament lill-Ministri, li skomdi, kellhom iduru mad-domandi u ma jwieġbux.
Iżda kollox jindika li l-Prim Ministru ta xi forma ta’ spjegazzjoni lil xi membri tal-Kabinett. U dan kien ikkonfermat mit-tweġiba ta’ Ian Borg u ta’ sieħbu fil-Kabinett Michael Falzon, li wkoll ħass li kellu jiddefendi lil Abela.
Iffaċċjat bl-istess mistoqsijiet, il-Ministru Falzon ukoll ta x’jifhem li ra d-dokumenti tal-Prim Ministru u jħossu rasu mistrieħa. Iżda mhux tal-istess sentiment il-Ministri Miriam Dalli, Aaron Farrugia u Clayton Bartolo, fejn kollox jindika li dawn qatt ma raw ir-returns tat-Taxxa ta’ Robert Abela.
Dawn l-aħħar żviluppi qed ikomplu jħassbu lil ħafna dwar għaliex il-Prim Ministru ma jridx jippubblika r-returns tiegħu tal-VAT u t-Taxxa ta’ qabel l-2017. Dan minkejja li kien l-istess Abela li għamel pressjoni fuq il-Kummissarju tat-Taxxa biex jinvestiga lill-Kap tal-Partit Nazzjonlista Bernard Grech fil-perjodu meta ma kienx għadu fil-politika.
//= $special ?>