Edukazzjoni Lokali

“Nibqgħu viġilanti biex flimkien inkomplu nersqu lejn ħajja aktar normali” – Bernard Grech

“Sodisfatt li l-inċertezza għal ħafna ġenituri ser tintemm”

“Nilqa’ b’sodisfazzjon l-iżblokk fit-tilwima industrijali bejn l-edukaturi u l-Gvern.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li l-Ġimgħa kmieni filgħaxija tħabbar li minn nhar it-Tnejn, 11 ta’ Jannar, l-għalliema ser jirritornaw lura fl-iskejjel wara jumejn strajk.

Huwa sostna li s-saħħa u l-interess tal-istudenti, l-edukaturi u l-familji tagħhom għandhom jiġu l-ewwel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa sodisfatt ukoll li dan l-iżblokk ifisser li se tintemm l-inċertezza għal ħafna ġenituri li tul dawn l-aħħar jumejn sabu ruħhom iffaċċjati bi problema fejn iħallu t-tfal tagħhom, partikolarment minħabba fl-impjieg tagħhom.

“Naf b’ċertezza li anke l-għalliema li għandhom interess ewlieni li jgħallmu lil uliedna jħarsu ‘l quddiem biex ikunu jistgħu jkomplu jwettqu l-missjoni tagħhom fl-ambjent preferut tal-klassi. Ejjew nibqgħu viġilanti biex flimkien inkomplu nersqu lejn ħajja aktar normali.”

Ikkummenta