Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs għal tliet Sudaniżi li ppruvaw jaħarbu minn Malta f’container

Tliet Sudaniżi ntbagħtu l-ħabs wara li nqabdu jippruvaw iħallu Malta ġewwa kontejner fuq vapur. Tarek Akutan Kitiel u Djibrilf Adam, it-tnejn ta’ 18-il sena u Nasreddin Salem ta’ 29 sena, residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Hal Far tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

L-Ispettur Christian Abela akkuża lill-irġiel li rikbu fuq vapur mingħajr ma nfurmaw lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u daħlu f’żona ristretta tat-terminal tal-baħar tal-Belt Valletta.

L-irġiel, assistiti mill-avukat Martin Fenech bħala għajnuna legali, wieġbu ħatja tal-akkużi, u li skont il-liġi kellhom jingħataw piena ta’ bejn is-sitt xhur u sentejn ħabs.

Il-Qorti tathom ħin biex jerġgħu jikkunsidraw it-talba tagħhom, li kkonfermaw meta reġgħu ġew mistoqsija x’se jkunu qegħdin iwieġbu, jekk humiex ħatja jew le.

Fenech argumenta li sentenza sospiża tkun iktar effettiva biex tiskoraġġixxi aktar tentattivi minn ħrib ta’ dan it-tip. Il-Qorti, ma qablitx u filwaqt li sabet lill-irġiel ħatja fuq l-ammissjoni tagħhom stess, ikkundannathom għal sitt xhur priġunerija.