Internazzjonali

Stati Uniti: L-ebda provi ta’ xi sehem mill-Antifa fl-irvellijiet

Uffiċjal għoli tal-FBI tal-Istati Uniti rrifjuta t-teorija ‘fantastika’ li ħarġu biha l-konservattivi li riedu jitfgħu ‘dawl ġdid’ fuq l-irvellijiet qattiela li s-sostenituri tal-President Amerikan, Donald Trump, wettqu din il-ġimgħa f’Washington.

L-Assistent Direttur Steven D’Antuono qal li ‘sempliċiment mhemm l-ebda indikazzjoni li xi membri tal-Antifa setgħu infiltraw id-dimostranti u mexxew il-vjolenza huma għall-interessi tagħhom’.

D’Antuono qal dan waqt conference call mal-prosekuturi tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan li qed jindigaw l-inċidenti xokkanti li seħħew f’Washington matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis.

L-Antifa huma koalizzjoni ta’ attivisti li huma kontra l-faxxisti.

Intant, ma jidhirx li hemm xi prova dwar ‘kumplott’ fejn il-membri tal-Antifa, allegatament, ‘ippużaw bħala partitarji ta’ Trimp’ biex jitfgħu lid=-dimostranti f’Washington f’dawl ikrah. Dan meta s-sinjali kollha huma li l-gruppi radikali u tan-neofaxxisti kienu nfexxew fi vjolenza wara d-diskors provokattiv u perikoluż tal-President Trump, li fl-aħħar ġimgħat baqa’ jinsisti li ‘serqulu l-elezzjoni (tat-3 ta’ Novembru)’.

Fl-aħħar sigħat, diversi konservattivi, fosthom membri tal-Partit Repubblikan fil-Kungress insistew li n-nies li mexxew l-irvellijiet u l-assedju fuq il-bini tal-Capitol f’Washington kienu ‘elementi tal-Antifa li infiltraw il-folol’ — iżda l-istess konservattivi ma ressqu l-ebda provi ta’ dan.