Internazzjonali

Stati Uniti: Pressjoni biex Donald Trump jitneħħa minn President ‘talli inċita l-inkwiet’

L-ogħla uffiċjali tal-Partit Demokratiku Amerikan qed isejħu biex Donald Trump jitneħħa ‘mill-aktar fis’ minn President tal-Istati Uniti. L-uffiċjali qed jakkużaw lil Trump bħala l-ixprun għar-rewwixti ta’ nofs il-ġimgħa, f’Washington — li fihom tilfu ħajjithom ħames persuni – u jidher li huma jemmnu li ‘il-President hu wisq perikoluż biex jitħalla fit-tmun tal-pajjiż għall-jiem li ġejjin’.

Il-kritika għal Trump u l-aġir tiegħu, aktar, kulma jmur, qed tikber. Dan fost akkużi li hu ‘inċita lill-partitarji tiegħu’ biex jassedjaw il-bini tal-Capitol ( is-sede tal-amministrazzjoni) bil-għan li l-poter ma jgħaddix lill-President-elett Joe Biden. Dan meta, fl-aħħar jiem, Biden kien iddikjarat, uffiċjalment bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru.

Fl-aħħar sigħat, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Nancy Pelosi, ħeġġet lill-Viċi-President Amerikan Mike Pence ( li wkoll ħadha kontra Trump fl-aħħar jiem) biex jaġixxi skont il-25 Amendment tal-Kostituzzjoni li jippermetti biex il-Viċi-President Amerikan jassumi t-tmexxija tal-pajjiż għal żmien temporanju, f’sitwazzjoni fejn il-President ‘ma jkunx jista’ jaqdi d-doveri minħabba mard inkella b’riżultat ta’ mard mentali.’

L-aħħar rapporti qalu li Nancy Pelosi anki qed taħseb biex tibda proċess ieħor għall-impeachment ta’ Donald Trump – fost l-istqarrijiet kontinwi ta’ kundanna għall-vjolenza u ‘l-anarkija’ li wettqu l-partitarji ta’ Trump, jiem ilu, fil-qalba tad-demokrazija Amerikana.

Sadanittant, il-President Trump, permezz ta’ video, ħareġ jikkundanna ‘l-attakk faħxi’ fuq il-bini tal-Capitol waqt li impenja ruħu biex it-trasferiment tal-poter isir bil-kwiet u bl-ordni. Dan meta l-President-elett, Biden, qed iħejji biex ikun inawgurat bħala s-46 President Amerikan fl-20 ta’ Jannar.

Donald Trump – li rritorna fuq Twitter wara li l-media soċjali kienet neħħietlu s-servizz ftit wara l-irvellijiet – qal ċar u tond li ‘l-amministrazzjoni ġdida se tkun inawgurata ladarba l-Kungress iċċertifika r-riżultati tal-elezzjoni’. Trump, fl-ebda ħin ma rrefera għal Biden b’ismu waqt il-messaġġ, iżda kliemu huma ‘l-akbar indikazzjoni s’issa’ li hu aċċetta t-telfa wara li kien ilu l-ġimgħat jinsisti li l-elezzjoni għall-Presidenza kienet ‘misruqa u manipulata kontra tiegħu’.

Intant, il-ħames vittma tal-irvellijiet f’Washington  kien identifikat bħala uffiċjal tal-pulizija bl-isem ta’ Brian Sicknick li kien stazzjonat fil-US Capitol. Jidher li Sicknick miet mill-ġrieħi li ġarrab waqt li kien qed jipprova jirreżisti lid-dimostranti vjolenti fil-bini tal-Gvern.

It-telf ta’ ħajja bla bżonn fl-inċidenti se jkompli jkun issue jaħraq ħafna, waqt li l-Istati Uniti tagħmel eżami ta’ kuxjenza fil-jiem qabel tieħu postha l-amministrazzjoni l-ġdida. Dan waqt li l-ogħla tmexxija Amerikana qed tkompli tfittex ‘it-tweġibiet għall-ħafna mistoqsijiet li fadal’.

Sadanittant kienu konfermati diversi riżenji ta’ uffiċjali tal-Kabinett Amerikan li esprimew ruħhom bħala  mgħaddba u diżgustati ‘bl-anarkija fil-qalba ta’ Washington.

Betsy DeVos, is-Segretarju għall-Edukazzjoni, saret it-tieni membru tal-Kabinett li rriżenjat minn wara l-irvelliijiet u fejn hi, permezz ta’ ittra, akkużat lil Donald Trump bħala ‘il-protagonista wara l-inkwiet’. DeVos sostniet li ħadd ma jista’ jiċħad ‘l-impatt tad-diskors provokattiv ta’ Trump (qabel l-irvellijiet) u l-effett tiegħu f’ċirkustanzi mill-aktar delikati fil-pajjiż.’

Ir-riżenja ta’ DeVos segwiet dik ta’ Elaine Chao minn Segretarju tat-Trasport u li qalet li ‘ħassitha inkwetata ferm’ dwar il-vjolenza f’Washington u r-riperkussjonijiet għall-futur.