Internazzjonali

U-Turn hekk kif Trump jikkonċedi għall-ewwel darba u jikkundanna l-attakki fuq il-Capitol

Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar xhur, Donald Trump ikkonċeda t-telfa fl-elezzjoni u rrikonoxxa lil Joe Biden bħala l-President elett il-ġdid.

F’temp ta’ ftit sigħat, l-eks President Amerikan Donald Trump biddel id-diska u minn tifħir lil dawk li nhar l-Erbgħa invadew is-sede tal-Kungress Amerikan, il-Capitol, issa qed jiddeskrivi dawn l-attakki bħala atroci, u ikkonċeda fil-konfront tal-Kandidat Demoratiku.

Din il-U-turn minn naħa ta’ Trump tasal sigħat biss wara li ħafna politiċi Amerikani bdew jitolbu l-impeachment tal-eks President fid-dell iswed tal-assalt fuq il-Captiol li spiċċa ħalla ħames persuni mejta.

Nhar l-Erbgħa kien Trump stess li ħeġġeġ lis-sostenituri tiegħu sabiex jinġabru f’Washington fl-istess waqt li l-Kungress kien qed jikkonferma lil Joe Biden u lil Kamala Harris, President u Viċi Presidnet tal-Istati Uniti rispettivament.

Iżda l-folla ta’ nies li nġabret quddiem il-binja taw assalt u rnexxielhom jidħlu fil-Capitol. Assalt li wassal għal paniku u saħansitra tiri sparati li ħallew mara mejta fil-post, u tliet vittmi oħra li mietu meta żviluppaw emerġenza medika. Fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat ukoll li uffiċjal tal-Pulizija tal-Capitol miet wara li sofra ġrieħi hu u jissielet kontra d-dimostranti, biex b’hekk in-numru ta’ vittmi f’dan l-attakk telgħu għal ħamsa.

Għal dawn l-attakki, l-ewwel reazzjoni ta’ Trump kienet li jgħid lid-dimostranti li jħobbhom u filwaqt li minn banda bgħathom id-dar, mill-banda l-oħra kompla jkebbes ir-rabja fihom billi qallhom li dan kollu hu riżultat ta’ tbagħbis fl-elezzjoni, iżda issa biddel id-diska u kkundanna dan l-attakk.