Elton Brincat ta’ 42 sena mill-Marsa, u Brandon Cachia ta’ 33 sena mill-Birgu, inżammu taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja li aggredew raġel anzjan fl-Ewwel tas-Sena.
It-tnejn kienu akkużati b’mod konġunt b’serq aggravat tal-mobile tal-vittma li seħħ eżatt wara l-5am fl-1 ta’ Jannar, fi Triq is-Salib tal-Marsa. Brincat ġie mixli separatament li weġġa’ ħafif lill-vittma, żammu kontra r-rieda tiegħu u kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja f’każ li jmur lura għall-2018.
Cachia ġie akkużat separatament b’sewqan mingħajr liċenzja u kopertura tal- assigurazzjoni. Iż-żewġt irġiel ġew akkużati wkoll li saru reċidivi. L-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech, li assista lil Cachia, ressaq talba għall-ħelsien mill-arrest, billi argumenta li l-aħħar każ tal-akkużat fi ksur tal-liġi kienet “pjuttost il bogħod ”fl-2017 u barra minn hekk, dan kien biss każ ta’ serq ta’ mobile, għalkemm allegatament bi vjolenza .
Iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lydon Zammit oġġezzjonat bil-qawwa, u rrimarkat li l-vittma kien ħareġ għal mixja, kmieni dakinhar filgħodu, meta seħħ l-attakk u sfortunatament, kien beda s-sena l-ġdida tiegħu fuq nota ħażina.
Barra minn hekk, il-vittma nnifsu kien jgħix il-Marsa u kien għad irid jixhed, flimkien ma’ xhieda pajżana oħra. Dan biex ma nsemmux il-karattru indixxiplinat tal-akkużat, innota l-Ispettur Zammit.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ċaħdet it-talba, fid-dawl tal-istadju bikri ħafna tal-proċeduri, il-gravità tal-akkużi u l-fatt li x-xhieda ċivili kienu għad iridu jixhdu.
Ma saret l-ebda talba għal ħelsien mill-arrest f’isem l-akkużat l-ieħor. L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Attard mexxew il-Prosekuzzjoni. Brincat kien assistit mill-avukati Arthur Azzopardi u René Darmanin.
//= $special ?>