Lokali

Elezzjoni Każwali 7 Distrett; tliet kandidati għas-siġġu ta’ Edward Scicluna

Huma tlieta l-kandidati li se jtellqu biex jieħdu post l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna illi irriżenja fl-aħħar xhur biex jassumi l-kariga li ngħatatlu mill-Gvern Laburista bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Il-kandidati għal din l-elezzjoni każwali fis-Seba’ Distrett Elettorali huma Charles Azzopardi, Gavin Gulia u Jeffrey Pullicino Orlando – dan wara li kienu dawn tal-aħħar li tefgħu n-nomina fil-ħin stipulat biex jagħmlu dan.

L-eks Sindku Laburista tar-Rabat Charles Azzopardi kien l-ewwel illi tefa’ n-nomina tiegħu għall-Elezzjoni Każwali li se ssir it-Tlieta li ġej. Wara li kien kandidat għall-elezzjoni ġenerali, Azzopardi ma thalliex jikkontesta mill-gdid ghall-Kunsill Lokali fl-2019. Kien f’dan il-perijodu meta Charles Azzopardi qal li ma riedx jibqa’ sieket fejn kien stqarr li jinsab tradut mill-Partit tiegħu stess. Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, Azzopardi ġab 2,179 vot.

It-tieni persuna li tefgħet in-nomina kien Gavin Gulia li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu. Gulia kien Membru Parlamentari tal-Partit Laburista lura fl-1996. Fl-elezzjoni tal-2017 Gulia ġab total ta’ 1,569 vot.

It-tielet u l-aħħar persuna li tefgħet in-nomina kien Jeffrey Pulicino Orlando, li fil-passat kien diġa Membru Parlamentari iżda fuq in-naħa tal-Partit Nazzjonalista qabel ma kkontesta l-aħħar elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista. Fl-aħħar snin hu ngħata l-kariga ta’ Chairman tal-Kunsill Malti għat-Teknoloġija u x-Xjenza. Pulicino Orlando ġab total ta’ 1,040 vot fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.

Il-Kummissjoni Elettorali ikkonfermat li l-għadd tal-voti se jsir fis-Sala tal-Għadd tal-Voti n-Naxxar, nhar it-Tlieta 12 ta’ Jannar, mit-8.30am ’il quddiem.