Lokali Saħħa

“Għadd ta’ riformi tqiegħdu fuq pawża għal żmien twil wisq”

“Pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali jistħoqqilhom li jirċievu l-kura li jeħtieġu bl-aħjar mod u bl-iktar mod dinjituż. Għadd ta’ riformi fis-settur tas-saħħa mentali tqiegħdu fuq pawża għal żmien twil wisq.”

Dikjarazzjoni ċara mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, it-Tabib John Cachia wara li aktar kmieni din il-ġimgħa smajna bl-esperjenza li għaddiet minnha pazjenta li kienet rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli.

Dak li ġie rappurtat fil-media din il-ġimgħa fejn persuna qasmet l-esperjenza tagħha waqt li kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar Monte Karmeli, sfortunatament huwa simili għal dak li qed jgħaddu minnu diversi pazjenti.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li l-esperjenza diretta ta’ dawn il-pazjenti tirrifletti s-sejbiet li l-Uffiċċju tiegħu ilu jirrapporta għal dawn l-aħħar 6 snin.

Huwa qal li l-Isptar Monte Karmeli hu l-uniku sptar speċjalizzat biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ persuni li jeħtieġu servizzi professjonali tas-saħħa mentali. It-Tabib Cachia qali li wieħed ma jistax iżda ma jirrikonoxxix li l-ħidma tal-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li l-ambjent ta’ dan l-isptar għadu ferm ‘il bogħod minn dak mixtieq u għadd hemm numru ta’ prattiċi li għadhom qed iseħħu fl-Isptar Monte Carmel li ma jirrispettawx id-drittijiet u d-dinjità tal-pazjenti.

Huwa qal li għalkemm ripetutament staqsa lill-awtoritajiet tal-Isptar Monte Karmeli biex jaġġornaw il-protokolli tagħhom fi kwistjonijiet bħall-pussess ta’ apparat ta’ komunikazzjoni u tfittxijiet għas-salvagwardja tas-sikurezza tal-pazjent, għadu qed jistenna li jirċievi dawn il-protokolli aġġornati.

F’dawn l-aħħar xhur kien hemm numru ta’ bidliet iżda hija r-responsabbiltà tal-Isptar Monte Carmel li jispjega dawn it-tibdil u jiddeskrivi l-pjanijiet tiegħu biex jaġġornaw il-prattiċi, il-faċilitajiet u s-servizzi.

Il-pandemija tal-COVID-19 ċertament ikkumplikat aktar is-sitwazzjoni fejn il-futur għadu wieħed inċert, madankollu l-ħtiġijiet ta’ kura għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali ma jistgħux jiġu sospiżi b’mod indefinit.