Futbol Sport

Hibernians momentarjament fil-quċċata tal-klassifika

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Hibernians…………………3

Senglea A…………………….0

Hibernians: M.Calleja Cremona, F.Apap, L.Almeida (C.Uzeh 80’), A.Attard, J.Grech (R.Cassar 84’), J.Degabriele (K.Bonello 88’), B.Kristensen, D.Vella, H.Shola Shodija (M.Farrugia 84’), A.Agius, W.Texeira (A.Brite Ihuomah 80’)

Senglea Athletic: M.Farrugia, S.Uyi, A.Abela, F.Gnindokponou, J.Tanti, C.Riascos, A.Scicluna, J.Dibola, D.Kukic, D. Xuereb, W.Gomes

Referee: G.Tonna

Assistenti Referees: M. Scerri, I.Galea

Hibernians żammew il-pass ma’ ta’ fuq b’rebħa faċli ta’ 3-0 kontra Senglea Athletic. Wara li l-ewwel 20 miunuta kienu nieqsa min azzjonijiet perikolużi, l-ewwel azzjoni denja ta’ nota għal Hibernians waslet fit-22 minuta meta minn pass minn fuq il- lemin ta’ Texeira, Shola Shodija ra t-tentattiv tiegħu jiġi salvat minn Farrugia bil-ballun jispiċċa f’saqajn Degabriele li mill-viċin tefa’ barra.

Hibernians fetħu l-iskor fl-40 minuta meta wara azzjoni maħduma tajba Shola Shodija għadda lejn JURGEN DEGABRIELE li ra l-ewwel xutt tiegħu jiġi salvat mill-gowlkiper ta’ Senglea biex mit-tieni tentattiv qabbeż min fuq l-istess gowlkiper għal ġor-rokna tax-xibka biex għamel l-iskor 1-0.

Matul l-ewwel taqsima Hibernians iddominaw il-maġġoranza tal-pusses tal-ballun filwaqt li Senglea provaw jaqbdu lil Hibernians bil-kontrattakk, madanakollu ftit li xejn ħolqu periklu fil-lasti ta’ Calleja Cremona biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu bl-iskor ta’ 1-0 għal Hibernians.

Hibernians irduppjaw ftit minuti wara l-mistrieħ meta fuq pass għal darba oħra ta’ Shola Shodija, kien JAKE GRECH li bi ġmiel ta’ xutt fl-anglu tax-xibka għeleb lil Farrugia għal 2-0. Hibs komplew jgħafsu u reġgħu kienu viċin fit-52 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Jake Grech, Degabriele ra l-konklużjoni tiegħu tgħaddi barra.

Hibs għalqu l-partita fit-72 minuta meta wara żball fid-difiża ta’ Senglea, Bjorn Kristensen għadda lil JURGEN DEGABRIELE li bil-kalma skorja it-tieni gowl personali u t-tielet gowl għal Hibernians. B’hekk Hibernians momentarjament telgħu fil-quċċata tal-klassifika b’29 punt b’logħba aktar minn Ħamrun filwaqt li Senglea Athletic baqgħu f’qiegħ il-klassifika b’ żewġ punti.