Lokali Qorti

Jipprovaw jaħarbu minn Malta b’dokumenti foloz

Erba’ immigranti weħlu bejn sitta u tmien xhur ħabs wara li ammettew li pprovaw jaħarbu minn Malta lejn Katanja permezz ta’ ajruplan b’dokumenti foloz.

Adam Smai Omar ta’ 23 sena, Mohia Aldyn Seliamen, ta’ 20 sena, it-tnejn mis-Sudan, u Abbass Isem ta’ 24 sena minn Chad weħlu sitt xhur ħabs filwaqt li Adam Hamad ta’ 18 sena mis-Sudan weħel xahrejn iktar hekk kif kien riċediv.

L-avukat tagħhom, Jason Grima ddifendihom billi qal li l-erbgħa li huma kellhom bżonn xogħol hekk kif il-€130 li kienu jingħataw sakemm kienu residenti f’Ħal Far ma baqgħux jikkwalifikaw għalihom. B’hekk, l-avukat kompla jgħid li hekk kif f’pajjiżna m’hawnx xogħol, iddeċidew li jittantaw xortihom fi Sqallija.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia rrimarkat li l-minimu li persuna jrid ikollha hu post fejn torqod u x’tiekol.