Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) – Voice of the Workers, fi stqarrija qalet li “ma tistax ma tinnotax li l-iskejjel tal-Knisja u dawk privati tilfu l-awtonomija tagħhom wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-MUT”, qbil li l-UPE sejħet “diżastruż”.
Il-UPE qalet li t-tagħlim online kien wieħed suċċess fl-iskejjel tal-knisja u privati. Huma saħqu li dan wasal wara investiment fuq pjattaformi akkademiċi kif ukoll infrastruttura aktar solida biex setgħu jintużaw għal meta jkun hemm bżonn. L-istqarrija kompliet tgħid li l-isforz tagħhom ħalla l-frott bl-evidenza fl-aħħar jumejn, fid-dawl ta’ żieda sinifikanti fil-każijiet pożittivi tal-COVID-19. Il-UPE – Voice of the Workers qalet li “wara l-ftehim ta’ nhar il-Ġimgħa, prattiċi bħal dawn ma jistgħux jiġu adottati aktar u b’hekk l-edukaturi u l-istudenti se jidħlu f’riskju bla bżonn.
L-UPE ħasset il-ħtieġa li tenfasizza dwar ir-rispons pożittiv mill-ġenituri tat-tfal fl-iskejjel tal-knisja u privati għas-servizzi fuq pjatttaformi online, li issa qalet il-union “b’mod inġust ma jistax jibqa’ jintuża bl-istess mod.” Il-union qalet li diversi edukaturi li tkellmu magħha wrew il-frustrazzjoni tagħhom dwar il-kwistjoni minħabba li kienu qed jagħtu servizz tajjeb ħafna.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-iskejjel tal-knisja u tal-privat kienu ppreparati sa mill-bidu ta’ din il-pandemija, waqt li l-iskejjel tal-istat ma wrew l-ebda inklinazzjoni simili biex jinvestu fl-istess livell. “Ninsabu diżappuntati li l-isforzi tal-edukaturi tal-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat ġew injorati fil-ftehim li sar mal-Gvern. Għalhekk sar evidenti li l-ħin tal-MUT li tirrappreżenta s-settur edukattiv għandu jintemm.”, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>