Futbol Sport

Marsaxlokk isalvaw punt lejn it-tmiem

Chris Cassar


ŻEBBUĠ R. ………………..2
MARSAXLOKK ……………2

Żebbuġ R: M. Grech, J. Micallef, T. Bartolo, M. Del Negro, J. Silveira Da Silva, C. Gauci, R. Vella, K. Bondin, K. Atkinson, S. Miloskovic, G. Gesualdi.

Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, J.P. Morales, N. Ghio, D. Cartella, J. Spiteri, B. Sciberras, C. Brincat, P. Xuereb, R. Winchester, R. Fenech.

Referee: Sandro Spiteri

Jean Pierre Mifsud Triganza skorja fl-aħħar minuta tal-logħba biex salva punt lil Marsaxlokk f’logħba ferm kumbattuta. Marsaxlokk kienu dominanti fl-ewwel taqsima u kellhom diversi ċansijiet ta’ skor, iżda fit-tieni taqsima Żebbuġ wettqu rimonta tajba fejn anki renxxielhom idawwru r-riżultat, iżda l-gowl fl-aħħar għamel ġustizzja max-Xlukkajri li ma kienx ħaqqhom joħorġu telliefa minn dan il-konfront. Marsaxlokk bdew aħjar u fl-ewwel minuti l-goalkeeper ta’ Żebbuġ wettaq żewġ interventi tajba fux xuttijiet ta’ Winchester. Fil-2 1minuta azzjoni tajba mibdija minn Fenech li qassam lejn Spiteri li ra x-xutt tiegħu salvatminn Grech.

Fil-25 minuta azzjoni ta’ kontrattakk ta’ Żebbuġ bil-ballun jasal għand Carbone li ra x-xutt tiegħu imblukkat minn difensur minn fuq il-linja. Marsaxlokk komplew jattakkaw u fil-41 minuta fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Sciberras, kien hemm il-ħarġa difettuża ta’ Grech u Christian Degabriele skorja b’daqqa ta’ ras.

Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Żebbuġ kisbu l-gowl tad-draw meta l-goalkeeper ta’ Marsaxlokk Tabone ħabat ma’ difensur fil-ħarġa tiegħu u tilef il-pussess tal-ballun li f’saqajn Clive Gauci li kompla għal ġewwa.
Fit-63 minuta Żebbuġ dawru l-iskor favur tagħhom meta Luka Mijic daħal tajjeb fil-kaxxa u għeleb lil Tabone b’xutt b’saħħtu. Marsaxlokk wara dan il-gowl xeħtu kollox fl-attakk u minuta mit-tmiem kien is-sostitut Mifsud Triganza li rnexxielhu jikseb il-gowl tad-draw b’xutt mill-viċin.

ST. ANDREW’S……………4
MQABBA……………………0

St. Andrew’s: D. Formosa, M. Muscat, I. Azzopardi, L. Grech, M. Bartolo, A. Borg Olivier, J. Sixsmith, W. Camilleri, G. Stefansson, L.A. Borg, D. Jackson.

Mqabba: M. Buhagiar, O. Khatib, N. Falzon, G. Mannino, J. Azzopardi, R. Spiteri, D. Micallef, G. Cesani, B. Sciberras, G. Azzopardi, G. Micallef.

Referee: Etienne Mangion

St. Andrew’s kisbu rebħa prezzjuża wara ħames logħbiet mingħajr rebħa meta faċilment għelbu Mqabba 4-0, bis-Saints jagħlqu l-logħba sa nofs l-ewwel taqsima meta kienu skorjaw tliet darbiet.
St. Andrew’s ma setax kellhom bidu aħjar fejn wara tliet minuti marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ korner kien Ian Azzopardi li għola fuq kulħadd li b’daqqa ta’ ras preċiża xeħet il-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Mqabba kellhom reazzjoni tajba u resqu qrib il-gowl tad-draw minuta wara ukoll minn azzjoni ta’ korner bid-daqqa ta’ ras ta’ Sciberras tmur ftit barra. Fis-16-il minuta Mqabba sfortunati meta xutt bomba ta’ Gianfranco Micallef stampa mal-wieqfa.

Fid-19-il minuta ġirja tajba fuq il-lemin ta’ Jackson li qassam għan-nofs lejn Alan Borg Olivier li minn żewġ passi bogħod ma falliex. Tlieta minuti wara St. Andrew’s għamluhom tlieta b’azzjoni ta’ kontrattakk bil-ballun jasal għand Gunnar Stefansson li avvanza u skorja b’xutt preċiż fil-baxx bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka.
Issa St. Andrew’s kienu f’kontroll assolut tal-logħba bit-tim ta’ Mqabba jersaq qrib biss b’xutt ta’ Cesani li kien imdawwar għal korner mill-gowlkeeper Formosa.

Fit-tieni taqsima Mqabba ħarġu jattakkaw iżda s-Saints għalqu tajjeb l-ispazji. Fis-57 minuta Luke Anthony Borg dabbar it-tieni karta safra ħames minuti biss wara l-ewwel waħda, biex b’hekk St.Andrew’s kellhom jilagħbu l-kumplament tal-logħba bi plejer inqas.
Iżda minkejja dan kienu St. Andrew’s li żiedu gowl ieħor fis-77 minuta permezz ta’ Stefansson.

BOV CHALLENGE LEAGUE
Ilbieraħ:
St. Andrews v Mqabba 4-0, Żebbuġ R. v Marsaxlokk 2-2 Illum: Victor Tedesco Stadium: San Ġwann v Fgura U. 2.00pm, Marsa v Qrendi 6.00pm Għada: Centenary Stadium: Swieqi U. v Vittoriosa S. 5.00pm, Qormi v St. George’s 9.00pm Victor Tedesco Stadium: Pietà H. v Naxxar L. 9.15pm