Coronavirus Lokali Saħħa

“M’hemmx biżżejjed tilqim għall-frontliners” – UĦM

Ħaddiema fis-settur tas-saħħa li huma meqjusa bħala front liners fil-ġlieda kontra l-Covid-19 qed jilmentaw li mhux qed jitqassmu biżżejjed tilqim kif ukoll dwar il-mod “diżorganizzat” li bih qed tingħata t-tilqima.

Il-UHM Voice of the Workers qalet li l-gvern wiegħed li sal-aħħar ta’ Jannar jingħataw madwar 20,000 doża inklużi anzjani ta’ aktar minn 85 sena, nofs il-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa u madwar 60 fil-mija tar-residenti fid-dar tal-anzjani San Vinċenz de Paul.

Madankollu, il-messaġġi li qed tirċievi mill-front liners jindikaw li l-pjan ta’ tilqim mhux qed jimxi kif mistenni.  Jirriżulta li f’xi djar għall-anzjani immexxija mill-Istat hemm nuqqas ta’ provisti tal-vaċċin.

Impjegat f’Dar tal-Anzjani li tkellem mal-UĦM saħaq li fil-każ tagħhom tellgħu l-ismijiet bil-polza biex jiddeċiedu min minn fost il-ħaddiema se jingħata l-vaċċin.

Sadattant fl-Isptar Mater Dei qed iqumu mistoqsijiet dwar l-istrateġija adottata mill-maniġment li tidher li qed takkomoda ċerti impjegati għad-detriment ta’ oħrajn. Dan is-sentiment qed jinħass b’mod partikolari fost il-ħaddiema tal-ambulanzi u r-radjografi, li t-tnejn li huma jiġu f’kuntatt dirett ma’ pazjenti li jkunu pożittivi għal dan il-virus.

Sorsi li tkellmu mal-UHM qalu li dawk il-ħaddiema ingaġġati mill-kuntrattur kollha ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin, iżda mhux dawk il-ħaddiema tal-ambulanzi li huma impjegati direttament mill-ministeru tas-saħħa. Għal xi raġuni l-proċess tat-tilqim għal tal-aħħar qed isir bil-mod għax żewġ ħaddiema biss kuljum qed jingħataw l-ewwel doża.

Il-mistoqsijiet komplew iqumu wara li sar magħruf li qraba ta’ tobba fid-dipartiment tal-emerġenza diġà ġew offruti l-vaċċin qabel il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa nfushom.

Kategorija oħra ta’ front liners li għal xi raġuni għadhom ma ġewx imlaqqma kollha huma r-radjografi li fost id-dmirijiet tagħhom hemm li jieħdu x-ray ta’ pazjenti infettati bil-Covid-19. Apparti dan jidher li hemm nuqqas ta’ radjografi biex ilaħħqu man-numru ta’ pazjenti li qed jiddaħħlu l-isptar.

Il-UHM qed tappell biex f’isem it-trasparenza, il-pubbliku jistenna l-kriterji li bihom qed jitmexxa l-pjan biex tingħata t-tilqima ikunu komunikati mill-Gvern.